L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
“Jiena t-triq, il-verità u l-ħajja”. Dan huwa l-kliem li smajna lil Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu fl-Evanġelju tal-lum.
Nixtieqkom tinnutaw kif dan il-kliem ta’ Ġesù – it-triq, il-verità u l-ħajja – imiss xewqat mill-aktar profondi li għandna fil-qalb tagħna.
Xewqa li għandna hi żgur li nkunu nafu t-triq, li nkunu fit-triq it-tajba. Ngħiduha kemm-il darba f’ħajjitna u nħossuha, li aħna nixtiequ li l-mixja tal-ħajja tagħna tkun fit-triq it-tajba. Nixtiquha anke għall-oħrajn. Il-ġenituri jixtiquha għal uliedhom. Tismagħhom jgħidu: kemm nixtieq li jaqbad, jew li taqbad, triq tajba.
Xewqa li għandna fina wkoll hija li nkunu fil-verità, li nagħrfu l-verità fuqna nfusna, fuq l-oħrajn, fuq dak li jiġri madwarna. Tant hu hekk li aħna neħduha bi kbira jekk xi ħadd iqarraq bina, jew jidħaq bina, u nindunaw li dak li qalilna ma kienx il-verità. Aħna nixtiequ ngħixu l-verità, mhux ngħixu gidba f’ħajjitna.
Xewqa profonda hi jkollna l-ħajja. Aħna nħobbu l-ħajja, u nixtiequ li jkollna l-milja tal-ħajja, u ħajja bi kwalità, imma wkoll li aħna nipproteġu din il-ħajja, inħarsuha, bħalma qed nagħmlu bħalissa f’dawn iż-żminijiet. Għandna l-maskri, is-sanitizers, is-social distancing u l-kwarantina fejn hemm bżonn, attenzjoni sħiħa – u nagħmlu sew – għax f’qalbna għandna li nħarsu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn.
Għalhekk dawn huma tliet xewqat li għandna f’qalbna. Ġesù jixtieq jiltaqa’ magħna fix-xewqat li għandna f’ħajjitna, u jurina kif hu tassew jista’ jissodisfa dawn ix-xewqat bl-isbaħ mod.
Ġesù jgħid “Jiena t-triq”. Nafu li meta jkun hu t-triq ta’ ħajjitna, mexjin fit-triq it-tajba. ’Il bogħod minnu ħafna drabi naqbdu triq żbaljata, ġieli direzzjoni u ġieli oħra, u ġieli flok triq nispiċċaw fi sqaq. Ħa nsemmi eżempju minn dak li wriena Ġesù. Meta hu jgħallimna fuq l-imħabba u l-maħfra, qed jurina t-triq. Hemm triq oħra: il-mibegħda u l-vendetta. It-triq ta’ Ġesù hi t-triq it-tajba, it-triq l-oħra ddaħħalna fi sqaq fejn noqogħdu ngħaqqdu u forsi ddaħħalna ġo ħajt. Ġesù tassew hu t-triq, it-triq li twassalna għand il-Missier, li twassalna għas-salvazzjoni.
L-omm tfakkarna fl-għożża tal-ħajja.
Ġesù hu l-verità. Aħna nafu li miegħu qegħdin fil-verità. Fis-Salm smajna: “Għax sewwa hi l-Kelma tal-Mulej”. Ma’ Ġesù qatt ma hemm affarijiet fake jew foloz. Ġesù jgħidilna dejjem il-verità. Hu jagħtina wkoll il-kejl li bih nistgħu naraw dak li nisimgħu hux veru jew le, għax aħna nafu li mhux dak kollu li naqraw u li naraw fuq social media, pereżempju, hu veru. Anke jekk kultant ikun hemm ħafna li jgħidu l-istess ħaġa, mhux bilfors hi vera. Anke jekk ħaġa jkollha ħafna likes, mhux bilfors hi vera. Ġesù jagħtina l-kejl li jurina dak li hu veru, għax hu l-verità.
Ġesù hu l-ħajja. Huwa rebaħ il-mewt u hu ħaj, u lilna jagħtina l-ħajja. Jgħinna biex nibdew ngħożżu l-ħajja minn hawn, il-ħajja li hi don tiegħu. Illum Jum l-Omm qed niftakru proprju fl-omm li hi dik li nisslet il-ħajja, saret omm proprju mat-tnissil tal-ħajja. L-omm hija l-isbaħ xhieda ta’ kif il-ħajja umana meta titnissel, tilqagħha, u tipproteġi l-ħajja; meta hi l-aktar vulnerabbli, bla leħen, u l-aktar dipendenti u teħtieġ min jgħinha. L-omm tfakkarna fl-għożża tal-ħajja. Flimkien ma’ dan, Ġesù jfakkarna wkoll fil-kwalità ta’ ħajja li hu jagħtina, li hi mimlija paċi u ferħ tiegħu biex jgħinna negħlbu l-mard tal-għira, tal-egoiżmu – dak li hu mard f’ħajjitna. U jgħinna wkoll biex niftakru li din il-ħajja hija mixja lejn il-ħajja ta’ dejjem. Nibdewha minn hawn biex twassal lil hinn mill-mewt għall-ħajja ta’ dejjem.
Għalhekk meta aħna nħarsu lejn Ġesù – it-triq, il-verità u l-ħajja – għandna dak li jista’ tassew jimla lil ħajjitna f’xewqat mill-aktar profondi li għandna.
Ejjew dejjem nitfgħu ħarsitna lejn Ġesù. Hu li, kif smajna lil San Pietru jgħid fit-Tieni Qari, hu l-ġebla imwarrba mill-bennejja, imma ġebla li hija għażiża għal Alla. Inħarsu lejn Ġesù, nitolbuh biex hu jgħinna negħlbu l-mumenti meta qalbna titħawwad, bħalma semmielna hu fl-Evanġelju. Nitolbuh biex hu jkun dejjem f’ħajjitna t-triq, il-verità u l-ħajja.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju