L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju li ntagħżel għas-solennità tat-twelid ta’ Ġwanni, jinsisti ħafna dwar ismu. Kif għedna fil-bidu, Ġwanni jfisser ‘Alla jħenn, Alla ħanin, Joħanan’. Hu l-mument fejn iseħħu l-wegħdiet ta’ Alla. Missieru, li quddiem id-dubju għal dak li kien qed iwiegħdu l-anġlu, tbikkem u tilef il-vuċi, ikollu din l-esperjenza straordinarja li lsienu jinħall u jibda jitkellem u jfaħħar lil Alla (1 Lq:64).

In-nies li jaraw dan kollu, jifirħu ma’ Eliżabetta li saret omm (Lq 1:58). Imma wkoll meta jaraw dawn l-għeġubijiet: il-missier li kien imbikkem, malli jaċċetta li isem it-tifel ma jkunx marbut mal-familja tiegħu jew isemmuh Żakkarija għalih, imma jobdi l-kelma tal-Mulej għaliex l-isem tat-tifel hu wkoll il-missjoni tiegħu, malli jaċċetta din ir-realta, Żakkarija jinfetaħlu fommu. Santu Wistin jgħallimna li jekk Ġwanni l-Battista hu l-leħen, imma l-Kelma li tixxandar hi Ġesù.

Warajja hemm immaġni sabiħa ta’ Ġwanni l-Battista li għandna fil-kappella tal-pittur famuż Favre, li turi lil Ġwanni l-Battista flimkien ma’ San Pawl. U Ġwanni l-Battista qed jindika ’l fuq għaliex hu dak li jindika lill-Mulej Ġesù. Il-quddiem Ġwanni l-Battista jkollu d-dixxipli tiegħu imma meta jara lil Ġesù jgħidilhom: “Dak hu l-Ħaruf ta’ Alla” (Ġw 1:29).

Santu Wistin jgħallimna li jekk Ġwanni l-Battista hu l-leħen, imma l-Kelma li tixxandar hi Ġesù.

F’dan il-kwadru sabiħ li hawn f’din il-kappella qiegħed ma’ San Pawl għaliex San Ġwann l-Battista fi żmien l-Ordni kien ukoll patrun ta’ Malta, kienu żewġ patruni ta’ Malta. Il-patrun tal-Ordni ta’ San Ġwann propju msemmi għalih u San Pawl il-patrun tagħna l-Maltin. Imma hi tradizzjoni sabiħa li aħna mhux biss għandna knisja straordinarja ddedikata lilu: il-Konkatidral ta’ San Ġwann, imma Għawdex għandna l-parroċċa anke tax-Xewkija ddedikata għal San Ġwann il-Battista.

U wieħed jistaqsi imma għaliex ngħidulu Battista? Battista mhux kunjom Żakkarija. Kieku kien ikun Ġwanni bin Żakkarija. Hekk kienu jkunu magħrufa: Ġwanni bin Żakkarija bħal Ġesù bin Ġużeppi. Imma ngħidulu ‘l-Battista’ għaliex l-għammied. Hu dak li għammed lill-Mulej Ġesù. Meta kiber Ġwanni l-Battista, biex iħejji l-poplu ħalli jilqa’ lill-Messija, l-ispirtu tal-profeta Elija, joħloq dan ir-ritwal tal-magħmudija fix-xmara Ġordan u kull min kien jixtieq jindem minn dnubietu, kien jersaq lejh. Hekk għamel ukoll Ġesù għalkemm kien il-Ħaruf bla tebgħa, jissieħeb magħna l-bnedmin u jissottometti ruħu għal magħmudija ta’ Ġwanni l-Battista. Għalhekk Ġwanni l-Battista.

Illum mhux biss nitolbu għal dawk kollha li għandhom dan l-isem sabiħ ‘Alla ħanin’. Li inti jkollok dan l-isem hu tassew isem sabiħ – Joħanan, Alla ħanin. Imma wkoll nitolbu għalina biex nilqgħu din il-festa li diġà qed tħejjina għat-twelid ta’ Ġesù għax issa Ġesù jitwieled minn hawn u sitt xhur oħra. Mill-24 ta’ Ġunju għall-24 ta’ Diċembru, lejlet il-Milied, għad baqalna sitt xhur.

U għalhekk insegwu wkoll il-mamà ta’ Ġesù li fil-laqgħa tagħha mal-mamà ta’ Ġwanni, irrealizzat li t-tarbija fil-ġuf tikkomunika ma’ tarbija oħra fil-ġuf. U kienet preżenti għat-twelid ta’ Ġwanni għaliex qagħdet tliet xhur tgħin lil Eliżabetta sakemm welldet lil Ġwanni (Lq 1:56).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 49, 1-6
Salm: 138, 1-3.13-15
Qari II: Atti 13, 22-26
Evanġelju: Lq 1:57-66.80