• Onerevoli Membru Parlamentari,
    Fil‑ġranet li ġejjin se tiġi diskussa, f’xi wħud mill‑Kumitati Permanenti tal‑Parlament, il‑kwistjoni li tqanqlet dan l‑aħħar f’pajjiżna dwar l‑assistenza medika bil‑għan li ttemm direttament il‑ħajja.
    Bħala l‑Isqfijiet ta’ bosta minn dawk li inti tirrappreżenta fil‑Parlament Malti, qed niktbulek din l‑ittra sabiex nesprimu t‑tħassib tagħna dwar din il‑kwistjoni u fl‑istess waqt naqsmu miegħek dawn ir‑riflessjonijiet etiċi u morali:
    1. Aħna nemmnu bis‑sħiħ fir‑rispett lejn id‑dinjità tal‑ħajja umana li kull ċittadin għandu d‑dritt li jgawdi matul l‑istadji kollha tal‑ħajja, mill‑bidunett tat‑tnissil sal‑mewt naturali. Dan it‑twemmin huwa s‑sisien ta’ kull ċiviltà mibnija fuq il‑ħarsien tal‑jeddijiet ta’ kull bniedem, fosthom il‑jedd fundamentali tal‑ħajja umana. L‑iskop tal‑liġi huwa li jagħti protezzjoni lil kull ħajja umana, b’mod partikolari meta din tkun żvantaġġjata u vulnerabbli, u mhux li jiffaċilita u jippromwovi t‑tmiem tagħha. Kull soċjetà li ddgħajjef il‑projbizzjoni legali ta’ qtil intenzjonat ta’ bniedem tkun qed tmermer il‑fibra morali u soċjali tagħha.
    2. Meta ċittadin isir dipendenti, dgħajjef jew vulnerabbli minħabba kundizzjonijiet ta’ mard, diżabiltà, jew tbatija insopportabbli, soċjetà moderna mistennija li twieġeb bi strutturi b’saħħithom u sensittivi ta’ wens u sedqa biex ħadd ma jiġi mwarrab, ma jaqa’ lura jew jitqies bħala piż fuq l‑oħrajn. Soċjetà turi l‑wiċċ ħanin tagħha meta persuni vulnerabbli la jiġu abbandunati u wisq aktar ma ddaħħal xi forma ta’ protezzjoni legali għall‑assistenza medika bil‑għan li tħaffef il‑proċess tal‑mewt. Għall‑kuntrarju, f’pajjiżna għandna nsaħħu s‑servizz mediku ta’ kura paljattiva u nkomplu nifirxu x‑xikba ta’ solidarjetà soċjali f’servizzi siewja bla ħlas li Hospice Movement diġà qed joffri fil‑komunità lil tant pazjenti b’mard terminali u lill‑qraba tagħhom. Servizzi ta’ kwalità għolja u effiċjenti f’dan il‑qasam joffri mhux biss wens u appoġġ kbir mal‑pazjenti u l‑qraba tagħhom, iżda jnissel ukoll sens ta’ serħan il‑moħħ fis‑soċjetà. 
    3. Id‑dritt għall‑ħajja huwa dritt fundamentali ta’ kull persuna u għalhekk hemm l‑obbligu li l‑ħajja tkun rispettata mill‑bidu sat‑tmiem naturali tagħha. Kull persuna għandha wkoll id‑dritt li tingħata l‑kura u s‑soċjetà għandha l‑obbligu morali li tipprovdi s‑servizzi mediċi biex tħares dan id‑dritt għall‑ħajja. Il‑pazjent għandu d‑dritt legali u morali li jirrifjuta t‑trattament mediku meta dan ikun sproporzjonat, jiġifieri ma joffri l‑ebda tama ta’ ġid, jinvolvi spejjeż enormi jew jikkaġuna tbatija insopportabbli. Li jitwaqqaf jew ma jinbediex it‑trattament mediku minħabba dawn ir‑raġunijiet, minkejja li l‑kura paljattiva għandha tkompli tingħata, hija etikament għal kollox differenti minn meta pazjent jitlob għall‑assistenza medika biex jitħaffef il‑proċess tal‑mewt. Filwaqt li fl‑ewwel każ, l‑intenzjoni hija li ma jsir l‑ebda intervent mediku biex jiġi rispettat il‑proċess naturali tal‑mewt, fit‑tieni każ l‑intervent mediku jsir bl‑intenzjoni li joqtol lill‑pazjent. “Għemil jew nuqqas ta’ għemil li, minnu nnifsu jew bl‑intenzjoni ta’ min jagħmlu, jagħti l‑mewt lil dak li jkun biex ma jbatix aktar, hu qtil li jmur gravement kontra d‑dinjità tal‑persuna tal‑bniedem u kontra r‑rispett li jistħoqqlu Alla l‑Ħaj u Ħallieq” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2277).
    4. Illum kulħadd japprezza s‑sens qawwi ta’ awtonomija li tgawdi kull persuna umana. Kulħadd jixtieq li jieħu r‑riedni ta’ ħajtu f’idejh u jfassal ħajtu b’mod responsabbli skont ix‑xewqat u l‑pjanijiet tiegħu. Dan huwa pass ’il quddiem fiċ‑ċiviltà ta’ llum! Però din l‑awtonomija ma tfissirx li wieħed għandu l‑jedd li jiddeċiedi hu meta jtemm il‑ħajja minħabba tbatija insapportabbli, diżabiltà jew xi inkonvenjent ieħor. Il‑ħarsien tal‑ħajja jiġi qabel id‑dritt għal‑libertà. It‑talba ta’ pazjent biex jingħata assistenza medika biex tikkawża direttament il‑mewt, anke meta dan ikun fil‑proċess imminenti tal‑mewt, mhix kwistjoni ta’ libertà ta’ għażla. L‑awtonomija li jgawdi kull individwu mhix assoluta u bla limitu.  Il‑protezzjoni tal‑ħajja umana, b’mod partikulari meta din tkun dipendenti u vulnerabbli, huwa prinċipju etiku u legali li jiżboq il‑prinċipju tal‑awtonomija. Jekk, f’dan il‑kuntest, il‑prinċipju tal‑awtonomija jiġi mifhum f’sens assolut, dan ifaqqar il‑vokazzjoni medika għal sempliċi funzjoni “teknika” fejn it‑tabib jeżegwixxi dak li jrid il‑pazjent u f’dan il‑każ iwettaq għemil li jmur kontra l‑missjoni ta’ tabib bħala dak li jħares il‑ħajja u li qatt ma jikkaġuna l‑mewt.  Bidla fil‑liġi dwar il‑protezzjoni  tal‑ħajja umana tfisser bidla fil‑kultura u l‑mentalità ta’ pajjiżna dwar kif nibdew inħarsu lejn l‑anzjani tagħna, persuni b’mard kroniku, persuni b’diżabilità jew kundizzjonijiet oħra.
    5. Hemm min jirraġuna li meta pazjent jitlef il‑kwalità tal‑ħajja minħabba kundizzjonijiet ta’ tbatija insapportabbli, diżabiltà fiżika jew mentali, jew dipendenza assoluta fuq l‑oħrajn, il‑ħajja umana titlef il‑valur tagħha u għalhekk għandha tiġi onorata x‑xewqa ta’ min għejja jgħix u tilef kull xewqa li jkompli jissielet il‑battalja tal‑ħajja. Aħna nifhmu t‑tbatija psikoloġika u fiżika li pazjent u l‑qraba jkunu qed iġarrbu. Aħna nħossuna solidali ma’ kull min hu għaddej minn dawn l‑esperjenzi qarsa ta’ sofferenza. Però nemmnu li l‑valur tal‑ħajja umana ma jiddependix mis‑saħħa jew mill‑mard. Nemmnu wkoll li l‑assistenza medika li tingħata lill‑pazjent biex itemm ħesrem il‑ħajja qatt ma tista’ tkun fl‑aħjar interess tal‑pazjent.
    6. Jekk min huwa fil‑professjoni medika jkollu jiġi mġiegħel itemm il‑ħajja ta’ xi ħadd, infakkru li liġi li tobbliga lil xi ħadd imur kontra l‑kuxjenza tiegħu jew tagħha tkun liġi inġusta.
    7. Aħna nappellaw lil kull Membru Parlamentari biex ikompli jħares id‑dinjità tal‑ħajja umana f’kull stadju tagħha, mill‑konċepiment sal‑mewt naturali tagħha. Fost l‑aqwa kisbiet li pajjiżna xettel u kabbar matul il‑medda twila tas‑snin fil‑kultura Maltija hemm ir‑rispett lejn il‑ħajja umana matul l‑istadji kollha tagħha. Dan huwa wirt nazzjonali li għandna nkomplu ngħożżuh u nikkonsolidawh biex ngħadduh bla mittiefes lill‑ġenerazzjonijiet futuri ta’ pajjiżna.
    8. Ma nistgħux ma nfissrux l‑apprezzament kbir tagħna għall‑fatt li ħafna mill‑familji tagħna għadhom juru għożża kbira mal‑morda terminali, l‑anzjani u persuni vulnerabbli u jagħżlu li jibqgħu jduru bihom fi djarhom stess. L‑imħabba u l‑empatija li normalment il‑qraba juru meta jakkumpanjaw lil dawn il‑persuni f’waqtiet tant iebsin tal‑ħajja, anke meta jkunu fl‑isptarijiet, huma sinjal ta’ ċiviltà umana unika. Nappellaw lil ħutna Maltin u Għawdxin biex ikattru dawn l‑għemejjel ta’ ħniena u nkomplu nistinkaw ħalli ebda ċittadin ta’ pajjiżna ma jisfa abbandunat fil‑marda jew kundizzjoni kronika tiegħu.
     
    Charles J. Scicluna                                                                   ✠ Mario Grech
         Arċisqof ta’ Malta                                                                          Isqof ta’ Għawdex