‘BIEX IL-FERĦ TAGĦNA JIBQA’

Ħuti,

Għaddejna ftit sigħat flimkien inħossu l-ferħ li niltaqgħu madwar ir-Ragħaj tal-Knisja kollha f’isem il-Mulej Ġesu’, il-Papa Benedittu XVI. Il-veru protagonist ta’ kollox kien l-Ispirtu s-Santu, li qanqal il-fidi li tinsab f’kull persuna. Huwa stess qalilna Fuq il-Fossos li dan “Huwa ferħ li jittrasforma ħajjietna u jimliena bit-tama fit-twettiq tal-wegħdiet ta’ Alla”.

Dawn il-jiem urewna li f’ħafna Maltin u Għawdxin għad hemm preżenza u xewqa tal-preżenza ta’ Alla, u li din ix-xewqa qed igħixuha fi ħdan il-Knisja Kattolika. Hija fidi li trid tidher f’dawk li diġa’ emmnu f’Alla, tingħex f’dawk li diġa’ għamlu l-għażla tal-Mulej, tinqasam ma’ dawk li għadhom ma’ tlaqgħux ma’ Kristu. Aħna l-medjaturi ta’ din il-laqgħa!

Aħna ġejna u stennejna din iż-żjara pastorali tal-Papa biex nieħdu mingħandu t-tagħlim. Iżda ndunajna li aħna konna kapaċi nagħtuh ukoll: qsamna miegħu l-entużjażmu tal-fidi tagħna u l-imħabba tagħna lejh. Dan kapaċi nagħmluh ukoll ma’ Alla – li nferrħuh.

Il-Papa sejħilna biex nagħmlu Evanġelizzazzjoni ġdida, ibbażata fuq il-Kelma ta’ Alla, iżda li tidher b’dak l-istess spirtu li bih l-appostli tal-ewwel żminijiet kienu ħassew il-preżenza ta’ Ġesu’ fosthom. Għandna bżonn Evanġelizzazzjoni ġdida mhux għaliex l-Evanġelju huwa differenti, iżda għaliex is-soċjeta’ li fiha irid jingħex u jitwassal l-Evanġelju hija differenti mis-soċjeta’ fi żminijiet oħra.

Naħseb li l-Evanġelizzazzjoni ġdida trid tibda billi nerġgħu ngħixu dan l-entużjażmu tal-Fidi tagħna ta’ dawn il-jiem, din id-darba mhux għax ġie l-Papa, iżda għaliex fostna hemm Kristu, ma jidhirx iżda preżenti fostna.

Il-preżenza ta’ Ġesu’ rridu ngħixuha bl-istess kundizzjonijiet li kellna f’dawk il-ġranet tal-miġja tal-Papa: entużjażmu anki jekk fost ħafna aljenazzjonijiet;  ferħ umli f’Ġesu’ u mhux fis-saħħa tagħna, anki meta nkunu umiljati minħabba d-dnubiet tagħna; qawwa li nuru ruħna bla mistħija, anki jekk l-atmosfera fis-soċjeta’ jew f’xi parti tal-media ma tkunx daqshekk favurina; ħerqa biex nisimgħu l-Kelma ta’ Alla bħalma kellna l-ħerqa biex nisimgħu lill-Papa; imħabba kbira li toħroġ minn ġewwa fina lejn kulħadd bla distinzjoni, imħabba li fiha tagħti dak li għandek –  lil Ġesu’; għażla li tintgħaraf anki mill-komunjoni u mill-għaqda li wieħed iżomm mal-Knisja fil-Komunita’ nisranija, u mhux forma ta’ spiritwalita’ purament individwali, li m’għandhiex il-ferħ tal-laqgħa u tal-għaqda flimkien.

Min jaf kemm ħeġġiġna lil xulxin biex immorru għal-laqgħat mal-Papa u għinna lil xulxin biex immorru. Din trid tkompli kull nhar ta’ Ħadd biex ngħinu lil xulxin nieħdu sehem fil-laqgħa ma’ Ġesu u ma’ xulxin fl-Ewkaristija

Dawk li ġew ferħu biċ-ċelebrazzjonijiet li ħadu sehem fihom. Irrid nirringrazzja lil dawk kollha li għenu biex dan l-ispirtu jkun jista’ jesprimi ruħu b’daqshekk qawwa. Dawk il-folol li ġew jitfgħu responsabbilta’ fuq il-Knisja kollha biex nistiednu lill-oħrajn biex jiġu magħna, u li nipprovdulhom esperjenza li tgħinhom jibqgħu magħna. Din ir-responsabbilta’ taqa’ l-ewwel fuqna l-Isqfijiet u s-saċerdoti, iżda tinfirex fuq il-komunita’ kollha: kulħadd jista’ jagħti s-sehem tiegħu biex nerġgħu nibnu dik l-atmosfera ta’ dawn il-jiem fil-ħajja ta’ kuljum tal-Knisja.

Din id-darba smajna mhux biss dak li jgħid ħaddieħor fuq il-Papa, iżda x-xhieda ta’ diversi persuni li ltaqgħu miegħu personalment, jew ġew ispirati mill-għajnejn mimlija kompassjoni u preżenza ta’ Alla tal-Papa. Huma spjegaw li għajnejh huma verament għajnejn ta’ paċi, soft, ta’ kompassjoni, li jiltaqgħu mal-ispirtu ta’ min ikun hemm quddiemu. U xi jfixkilna, saċerdoti jew lajċi mgħammdin, milli jaraw fina anki din l-esperjenza ta’ Alla? Hekk xtered l-Evanġelju fl-ewwel żminijiet kif juri l-Atti tal-Appostli, u hekk irid jixtered illum!

Ħuti wara l-miġja tal-Papa fostna, m’għandu jkun hemm l-ebda nisrani konvint, li jibqa’ moħbi. Irridu nagħmlu l-qabża, b’ħafna imħabba u umilta’, iżda b’konvinzjoni, li nkunu nixtiequ li ħaddieħor jaqsam dan il-ferħ, din il-fidi magħna. Wara kollox fl-aħħar tislima tiegħu qabel ħalla dawn il-gżejjer, il-Papa Benedittu tana dan l-impenn: “Kunu ta’ eżempju, f’artkom u barra minn artkom, ta’ ħajja Nisranija dinamika. Kunu kburin bis-sejħa Nisranija tagħkom. Għożżu l-wirt reliġjuż u kulturali tagħkom. Ħarsu lejn il-futur b’tama, b’rispett profond għall-ħolqien ta’ Alla, b’reverenza għall-ħajja umana, u bi stima għolja għaż-żwieġ u għall-integrità tal-familja! Kunu wlied denji ta’ San Pawl!”

F’dawn il-ġranet tkellimna fuq il-ferħ tal-miġja tal-Qdusija tiegħu il-Papa Benedittu XVI fostna. Issa l-ikbar rigal li nistgħu nagħtu lill-Papa huwa li jkun jaf li hu ħeġġiġna mhux biex nibqgħu nitkellmu fuqu, iżda biex nitkellmu iktar fuq Ġesu’ f’ħajjitna.

Nagħtikom il-Barka tiegħi.

+ Pawlu Cremona

Arċisqof ta’ Malta