Għeżież tfal,
Wasalna għaż-żmien tar-Randan. Dan huwa żmien li jfakkarna fit-tbatija, il-mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. Dawn il-ġrajjiet huma tant importanti fil-ħajja tagħna li hemm bżonn naħsbu ftit aktar fuqhom u nippreparaw għalihom tul dawn l-erbgħin jum li ġejjin. Dawn l-erbgħin jum iridu jgħinuna biex inġibu quddiem għajnejna dawn il-ġrajjiet billi nitolbu, iżda wkoll billi naraw kif jistgħu jgħinuna fil-ħajja tagħna.
Din is-sena, għal dan iż-żmien tar-Randan, xtaqt ngħinkom tifhmu iktar xi tfisser il-kelma Eżilju. Forsi tgħidu, din il-kelma għalfejn hi daqshekk importanti għal dan iż-żmien tar-Randan? Naħseb ilkoll xi darba xi ħadd rrakkontalkom l-istorja ta’ Mosè. L-ikbar ħaġa li għaliha baqa’ jissemma Mosè kien li Alla qabdu biex joħroġ lill-poplu Lhudi mill-Eżilju tal-Eġittu. Kienu fl-Eżilju għax kienu ‘l bogħod mill-art li fiha twieldu u għexu.
Allura forsi tgħidu, xi ġralhom biex spiċċaw fl-Eżilju f’art ‘il bogħod minn fejn kienu jgħixu?
Ħa nfakkarkom ftit f’persuna oħra li żgur tafu biha: “Ġużeppi mibjugħ minn ħutu” li dan spiċċa biex sar prinċep fl-art tal-Eġittu li kien pajjiż ‘il bogħod minn fejn twieled u trabba ma’ Missieru Ġakobb u tnax-il ħutu. Sakemm kien prinċep fl-Eġittu, fejn kienu jgħixu missieru u ħutu, kien waqa’ ġuħ kbir u dawn kellhom jitilqu biex isibu x’jieklu. Ġużeppi żammhom miegħu għal ħafna snin. Peress li huma kienu barra minn pajjiżhom in-nies tal-Eġittu spiċċaw biex għamlu lilhom u l-poplu Lhudi li mar hemmhekk skjavi tagħhom u dawn bdew ibatu ħafna. Bdew jitolbu lil Alla biex jeħlishom minn din it-tbatija u hawnhekk Alla sema’ t-talba tagħhom u sejjaħ lil Mosè biex joħroġhom minn dan l-Eżilju.
Eżilju ieħor li kellhom jgħixu kien meta ġew attakkati minn poplu ieħor u rebħulhom u għalhekk lil min baqa’ ħaj ħaduhom skjavi magħhom ġewwa l-Babilonja u damu hemm 50 sena. L-istess, talbu lil Alla biex jeħlishom minn dan l-Eżilju u Alla reġa’ sema’ t-talba tagħhom.
Dawn iż-żewġ ġrajjiet juru li l-poplu Lhudi għadda minn mument ta’ tbatija meta kienu fl-Eżilju u għaddew minn mument tal-ferħ meta ġew meħlusin.
Dak li għinhom jagħmlu kuraġġ meta kienu fl-Eżilju kien:
- Li din it-tbatija kienu qed jgħixuha bl-għajnuna ta’ xulxin u bit-tama li kellhom li għad jasal żmien li għad jerġgħu lura lejn l-art tagħhom u
- Li Alla wasslilhom il-Kelma tiegħu, fl-ewwel ġrajja permezz tal-Kmandamenti li ta lil Mosè u fit-tieni ġrajja permezz tal-Profeta Esdra li fakkarhom fil-Kelma t’Alla
Anke Ġesù kellu jgħaddi minn din l-esperjenza tal-Eżilju. Dan ġara meta minn Alla kellu jsir bniedem u jiġi fostna. Kif nafu anke meta kien fostna Ġesù ma ġiex milqugħ minn dawk ta’ madwaru. Tant li dawn l-istess nies sallbuh fuq is-salib. Hawnhekk vera ħassu waħdu, imweġġa’ minn dawk in-nies li tant kien għamel ġid magħhom, u ‘l bogħod minn Alla Missieru tant li kif nafu fuq is-salib għajjat “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” Imma Ġesù kellu mħabba kbira lejn Alla Missieru u għalhekk anke f’dan il-mument ta’ tbatija huwa dahar lejn Missieru u talbu li issa, li kien wettaq il-missjoni tiegħu, kellu xewqa li jerġa’ jmur lura għandu. Kien għahekk li l-aħħar kellmiet ta’ Ġesù fuq is-salib kienu “Missier f’idejk jien nerħi ruħi.”
Ġesù fehem li dan l-Ezilju fuq l-art ma setax jgħixu waħdu, u kien għalhekk li għażel it-tnax-il appostlu u nies oħrajn biex jgħixu madwaru. Kien isib il-ferħ tiegħu meta kien ikun imdawwar minn dawn in-nies, ikellimhom fuq Alla l-Missier u jurihom it-triq kif jaslu huma wkoll għand Alla l-Missier.
Aħna wkoll ninsabu fl-Eżilju, ‘il bogħod minn art twelidna. Tgħiduli għalfejn qed tgħidilna hekk? Aħna mhux hawn twelidna u qed ngħixu? Imma tfal nixtieq infakkarkom, għax kultant naħseb li tinsew, li aħna għad irridu mmorru ngħixu ma’ Alla fil-ġenna għal dejjem. Alla għalhekk ħalaqna biex ingawduh u Hu jgawdina għal dejjem. Għax meta niftakru li aħna għad irridu ngawdu lil Alla għal dejjem allura matul din il-ħajja naraw kif nagħmlu biex nagħmlu dak li jogħġob lilu. Dan iż-żmien tar-Randan jgħinna biex naraw x’inhuma dawk l-affarijiet li Ġesù stess qalilna biex nagħmlu ħalli nkunu nistgħu nidħlu fil-ġenna.
Inkunu fl-Eżilju wkoll meta nagħmlu id-dnub għaliex id-dnub ibegħidna minn Alla. Ħa nfakkarkom xi ftit eżempji ta’ kif nitbegħdu minn Alla:
- Meta inti jiġik xi ħaġa f’moħħok u taqbad u tagħmilha bla ma tara Ġesù xi jkun jixtieq minnek
- Meta inti ma tatix kaz ta’ Ġesù u tfittxu biss meta jew joqrob xi eżami, jew issib ruħek marid
- Jew meta jien ħsiebi biss kif jien se nkun kuntent mingħajr ma nagħti kaz jekk inhix inweġġa’ lill-oħrajn
Għalhekk inkunu f’dan l-Eżilju meta f’ħajjitna ma nimxux fuq il-kmandamenti ta’ Alla.
Ħafna drabi aħna naħsbu li se nkunu aħjar meta nagħmlu dak li rridu u nwarrbu l-kmandamenti ta’ Alla. Filfatt nindunaw li dan mhux veru. Għax meta nagħmlu d-dnub wara nħossuna imdejqin bħal, pereżempju, meta jien nagħżel li niġġieled żgur li ma nħossnix kuntent.
Ir-Randan huwa żmien li jgħinna nħarsu ‘l quddiem u naraw x’nistgħu nagħmlu biex immorru l-ġenna kif wegħdna Ġesù. Hu għalhekk li l-ġrajja tat-tbatija, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù għandna niftakruha f’dan iż-żmien tar-Randan għaliex nindunaw li Ġesù mhux biss wegħdna l-ġenna imma għamel minn kollox biex nistgħu nakkwistawha.
Għalhekk ir-Randan jibda jkollu aktar sens jekk aħna:
- Insibu aktar ħin biex nitlobu
- Nagħmlu sagrifiċċju billi nnaqqsu minn xi ħaġa li nħobbu, pereżempju mill-ħin tagħna quddiem il-kompjuter
- Meta noqogħdu attenti iktar meta tinqara l-Kelma t’Alla
- Infittxu li nersqu għas-sagrament tal-qrar
- U li mmorru għall-quddiesa u nirċievu lil Ġesù fit-Tqarbin
Dan kollu jgħinna biex noħorġu mill-Eżilju jiġifieri ma nibqgħux ‘il bogħod minn Alla anzi naraw kif se nkunu viċin tiegħu u naslu saħansitra biex inpoġġuh f’qalbna.
Din hi x-xewqa tiegħi għalikom ilkoll.
Għeżież tfal nibagħt fuqkom il-barka appostolika tiegħi
+ PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta