Għeżież Tfal,

Mill-ħafna ħin li tgħaddu fl-iskola qed tindunaw li hemm ħafna modi ta’ kif wieħed jitgħallem.  Affarijiet bħall-internet, kompjuter, teknoloġija varja u bħall-visual aids li jinkludu DVDs, videos u logħob edukattiv, qed jagħmlu t-tagħlim aktar sabiħ. Fl-istess ħin hemm problema, għaliex filwaqt li aħna qed nitgħallmu aktar, xorta bqajna insibu problemi kbar fil-ħajja tagħna. Jekk tieqaf u tħares madwarek, issib numru ta’ problemi bħal: faqar, familji mkissra, ġlied, tfal li mhumiex ferħana, tfal li jkollhom imorru jaħdmu u l-mard.  Meta tħares lejn dawn is-sitwazzjonijiet, wieħed jista jaqta’ qalbu biex iwassal il-messaġġ tal-fidi.

Iżda quddiem din is-sitwazzjoni, m’għandnix naqtgħu qalbna.  Il-bniedem li jieqaf jaħseb kapaċi jsib soluzzjoni.  Sakemm ikollu għalliema tajbin, ikun lest li jisma’ dak li jgħidulu u ma jwebbisx rasu, dan jinduna li jista’ isib soluzzjoni għas-sitwazzjonijiet diffiċli li jsib f’ħajtu.  Fost l-għalliema differenti li niltaqgħu magħhom fil-ħajja tagħna, hemm Alla.

Aħna nemmnu f’Alla li jgħallem lin-nies tiegħu.  Alla jieħu ħsiebna bħalma ħa ħsieb lill-Poplu Lhudi fit-tbatija tad-deżert.  Fil-ktieb tad-Dewterenomju fit-Testment l-Antik, naqraw li Alla:  “… dar miegħu u ħa ħsiebu, ħarsu bħal mimmi t’għajnejh.  Bħalma l-ajkla l-bejta tieħu ħsieb, u titgħajjar fuq uliedha, tiftaħ ġwenħajha u ttellagħhom u ġġorrhom fuq ġwenħajha, hekk il-Mulej mexxiehom waħdu u ebda alla ieħor ma kien miegħu” (Dewt. 32, 10-12).

Fir-Randan naraw kif Alla jimxi magħna biex jgħallimna, jiffurmana u jfejjaqna.  Naraw kif Alla jibqa’ magħna fil-mumenti sbieħ u anke fil-mumenti koroh.  Huwa Alla li jieqaf ma’ kull persuna u jimxi magħha bil-pass tagħha, hekk li bil-mod il-mod, pass wara l-ieħor, hija tkun tista’ toħroġ minn mumenti diffiċli.  Bħalma r-ragħaj jieħu ħsieb b’tant imħabba lin-ngħaġ tiegħu, u jkun jafhom waħda waħda, hekk Alla jieħu ħsiebna u jaf il-bżonnijiet ta’ kull wieħed u waħda minna.  Bħalma r-ragħaj fil-parabbola mar ifittex in-nagħġa l-mitlufa, hekk Alla ikun l-aktar viċin tagħna f’mumenti iebsin.

Alla li nemmnu fih aħna, jibqa’ magħna f’mumenti fejn aħna niżbaljaw.  Il-fatt li llum fil-ħajja tagħna hu aktar faċli li niltaqgħu ma’ tfixkil, qed issir aktar diffiċli għalina biex inkunu persuni onesti.  Issib tfal li jgħajru lil sħabhom, li jweġġgħu lil xi ħadd, li jagħmlu xi bullying, li jwaħħlu f’ ħaddieħor meta jagħmlu xi ħaġa ħażina. Sfortunatament dawn kollha huma affarijiet li niltaqgħu magħhom. Dawn huma sitwazzjonijiet fejn aħna  quddiemhom nistgħu naqtgħu qalbna, imma llum aħna l-Isqfijiet, nixtiequ ngħidulkom, b’qawwa kbira, li anke f’dawn l-istess ċirkustanzi, Alla qatt ma jaqta’ qalbu minna.  Alla għandu fiduċja kbira fina u xorta jibqa’ magħna u jieħu ħsiebna.  Alla jibqa’ jħabbat il-bieb ta’ qalbna biex jidħol fil-ħajja tagħna u jħares lejna “bħal mimmi t’għajnejh”.

Fejn insibu dan it-tagħlim ta’ Alla, jekk mhux fl-Iskrittura !

Fil-Bibbja mhux biss insibu l-messaġġ imnebbaħ minn Alla, imma wkoll ġrajjiet u esperjenzi li juru kif Alla tkellem mal-Poplu Tiegħu.  Fil-Kelma t’Alla insibu lil Alla li jkelem lill-bniedem biex jurih it-triq it-tajba li twasslu għandu.  Din hi l-istorja li naqraw fl-Antik Testment u li fil-{did Testment nsibu l-milja tagħha fil-persuna u l-ħajja ta’ Sidna {esu’ Kristu li sar bniedem biex isalvana bil-mewt u l-qawmien tiegħu. Biex isalva lil bniedem, Alla xtrana bi prezz għoli (1, Kor. 6, 20).  Huwa “ … ċekken lilu nniffsu billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil. 2, 7-8).

Aħna nistgħu nikbru fil-fidi tagħna billi nsiru nafu aktar lil Alla permezz tal-Kelma Tiegħu. Bħala tfal, intom tattendu għall-Katekizmu u xi għaqdiet oħra tal-parroċċa bħall-abbatini u oħrajn.  Hemm bżonn li l-Kelma t’Alla terġa’ tkun iċ-ċentru u l-għan ewlieni għalfejn nattendu dawn l-għaqdiet. Dak kollu li ma jitlaqx mill-Kelma t’Alla ma jħallix il-frott mixtieq.

Il-Knisja hija omm u għalliema.  Hija omm għax trid tħobb, tagħder u tiftaħ il-bibien għal kulhadd.  Hija għalliema għaliex bil-Kelma t’Alla trid tgħallem u fejn hemm bżonn tikkoreġi.  Il-Knisja waqt li tagħder u tħenn ma tistax tonqos milli turi t-triq tal-verita’ kif hemm fil-Bibbja. L-eżerċizzji tar-Randan, il-qari tal-Kelma t’Alla, live-ins, seminars, talb, sawm u karita’ huma kollha mumenti qawwija li jgħinu biex aħna dejjem insiru aħjar. B’hekk nkunu nistgħu insebbħu l-ambjenti ta’ madwarna: il-familja, l-iskola, l-għaqdiet sportivi, ċentri tal-katekiżmu, għaqdiet oħra li nattendu fihom u postijiet pubbliċi oħra li nsibu ruħna fihom.

Il-Kelma ta’ Alla li nsibu fil-Bibbja hija għal kulhadd:  dawk li jiġu l-Knisja, dawk li kienu fil-Knisja u telqu, u dawk li qed ifittxu lil Alla barra mill-Knisja.  Fil-Knisja tagħna jeħtieġ noħolqu spazju għal dawk li ma jemmnux jew li jħossuhom ’l bogħod mill-Knisja.  Bħal Kristu li miet biex isalva lil kulħadd, il-Knisja trid tkun miftuħa għal kulħadd.

Nixtiequ li din is-sena r-Randan, ikun żmien ta’ grazzja mhux biss biex nieħdu sehem fil-festi tal-Għid, imma wkoll biex nitħejjew għaż-żjara f’pajjiżna tal-Qdusija Tiegħu il-Papa Benedittu XVI.  Billi {esu’ ħalla lil Pietru bħala eżempju tal-fidi tal-Knisja Kattolika, fil-Papa naraw eżempju u għalliem ta’ kif irridu ngħixu l-fidi tagħna u bħal Pietru ntennu “Mulej għand min immorru?  Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.” ({w. 6, 68).

Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.

+ PAWLU CREMONA O.P.

Arċisqof ta’ Malta


+ MARIO GRECH

Isqof ta’ Għawdex

Agħfas hawn biex tara l-Ittra Pastorali għat-Tfal fuq il-YouTube: