Il-ħsieb ta’ Alla – Il-Ħsieb ta’ Ġesù

Għeżież Tfal,

Fir-Randan aħna lkoll bħala nsara tfal u kbar niġu mistiedna biex naħsbu ftit dwar dak li Alla l-Missier irid minna bħala tfal u biex niftakru kif Ġesù għamel bil-qalb dak li ried minnu Missieru sal-mewt tas-salib.  Ġesù illum qed jistieden lilkom ukoll biex bħalu tagħmlu dak li jixtieq Alla l-Missier.  Ġesù jurina kif nagħmlu dan b’ħafna modi differenti.

Din is-sena Ġesù qed jiġbdilna l-attenzjoni fuq xi ħaġa li żgur hija ħafna għal qalb it-tfal – Il-Familja – L-ambjent li intom ikoll sibtu ruħkom fih.

Ikollna namettu li mhux kulħadd qed ikun imdawwar mill-imħabba tal-familja.  Anzi nistgħu ngħidu li llum żdid ħafna n-numru ta’ tfal li qed ibatu minħabba l-inkwiet li qed ikun hemm bejn il-kbar fil-ħajja miżżewġa.

Dan kollu qed ikun ta’ tfixkil għal dawk li jixtiequ jiżżewġu u jibqgħu jħobbu lil xulxin għal dejjem għax jibżgħu li anke huma jistgħu jgħaddu minn din l-esperjenza.

Din is-sena rridu neħduha bħala grazzja minn Ġesù għax lilna li nemmnu fiH, qed ifakkarna u jurina s-sbuħija ta’ raġel u mara li joffru l-imħabba tagħhom lil xulxin fiż-żwieġ u li flimkien din l-imħabba joffruha lil uliedhom.  Dan Ġesù jagħmlu permezz tal-Kelma tiegħu – il-Bibbja li hi l-mappa li tgħinna nagħżlu dak li hu tajjeb minn dak li hu ħażin.

Il-ħsieb ta’ Alla

.

Aħna permezz tal-magħmudija sirna ulied Alla u membri żgħar tal-Knisja.  Ġesù biex jgħinna nimxu fit-triq it-tajba ħallilna l-kelma Tiegħu li turina li sa mill-bidu Alla ħa ħsieb lil bniedem billi ħalaq id-dinja sabiħa ta’ madwarna.  Il-bniedem għamel id-dnub u tbiegħed minn Alla, imma Alla baqa’ jħobb lill-bniedem u dan urih meta bagħat fostna lil Ibnu Ġesù.  Alla ħalaq kollox sew u lilna tant ħabbna li ħalaqna xbieha tiegħu.  Alla wriena kif nieħdu ħsieb il-ħolqien u l-ambjent ta’ madwarna imma aħna mhux dejjem nagħtu każ.  Ħafna drabi aħna stess inħammġu l-ambjent billi narmu l-karti fl-art, naħlu, ma nibżgħux għall-affarijiet…B’dawn l-affarijiet ma nkunux qegħdin ngħinu biex ikollna ambjent b’saħħtu.  U l-istess, x’għamel biex nibnu familji sbieħ?  Alla ħalaq ir-raġel u l-mara biex permezz taż-żwieġ isiru ħaġa waħda.  Imma x’jiġri?  Jekk din l-imħabba l-kbar ma jieħdux ħsiebha, tispiċċa u minħabba f’hekk ibatu huma u jbatu t-tfal magħhom għax din l-imħabba ma tibqax tingħata lit-tfal b’mod sħiħ.  Kien għalhekk li Alla meta ħalaq ir-raġel u l-mara qalilhom biex iħobbu lil xulxin għal dejjem u f’din l-imħabba sabiħa jagħtu twelid lit-tfal.

Ir-Responsabiltá tagħna lkoll

.

Alla tant ħabb lill-bniedem li ħalla f’idejh biex jagħmel it-tajjeb.  Hekk għamel mal-ewwel bnedmin Adam u Eva, ħalla kollox f’idejhom u tant ħabbhom li afdalhom ir-responsabiltá li ma jagħmlux il-ħażin.  U din hija t-tifsira tas-siġra tat-tajjeb u l-ħażin li tissemma fil-Ġenesi.  Din hija l-għażla li għad irridu nagħmlu anke llum.  Il-bniedem jista’ jagħżel li jagħmel dak li jrid Alla minnu jew jagħmel l-affarijiet kif jifhimhom hu.  Anke intom tfal meta tiġu biex tagħmlu xi ħaġa għandkom ir-responsabiltá li tagħżlu bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin.  Imma ftakkru li meta tagħmlu l-ħażin Alla f’qalbkom dejjem se jistaqsikom, “Għalfejn għażiltu dak li hu ħażin?”  U intom tridu twieġbu f’qalbkom.  Hekk ġara fil-każ ta’ Adam u Eva meta għamlu d-dnub, deherilhom Alla u staqsiehon għalfejn m’għamlux dak li qalilhom hu.

Il-ħsieb ta’ Kristu

.

Mhux faċli li tagħżel dak li hu tajjeb f’dinja li toffrilna ħafna ħażen u għalhekk Alla bagħat lil Ġesù biex jurina li aħna rridu nippruvaw nagħmlu dejjem dak li hu tajjeb bħalma kien jagħmlu Ġesù.  Ġesù qalilna biex inħobbu lil xulxin imma lkoll nafu kemm hu diffiċli biex tħobb.  Ġesù ta kollox għalina saħansitra ta ħajtu għalina fuq is-salib.  Kien dejjem lest li jaħfer, kien ġereruż, kien paċenzjuz.  U biex l-imħabba tagħna lejn xulxin tibqa’ sabiħa trid tkun bħal ta’ Ġesù.

Tfal, tafu li bħalissa aħna għadejjin minn żmien diffiċli minħabba l-kwistjoni tad-divorzju, iġifieri li tnejn miżżewġin jitilqu lil xulxin u jerġgħu jiżżewġu lil xi ħadd ieħor.  Intom tfal minthomx responsabbli għad-deċiżjoni li l-kbar se jieħdu dwar dan is-suġġett, imma jien inkwetat ħafna għalikom għax naf li intom tistgħu tbatu ħafna minħabba fina l-kbar.  Għalhekk b’mod partikulari f’dan iż-żmien nixtieq nitlobkom titolbu ħafna ħalli l-kbar jagħrfu jagħmlu dejjem l-għażliet tagħhom skont dak li jixtieq minnhom Ġesù.

L-imħabba ta’ Ġesù

.

Id-dnub ta’ Adam u Eva ġiegħel lil Alla jara x’se jagħmel biex jerġa’ jiġbidhom lejH.  Kien għalhekk li bagħat lil Ġesù biex jippriedka l-maħfra li Alla qed joffri lil dawk kollha li għamlu d-dnub biex ikunu jistgħu jagħmlu t-tajjeb.  Hekk għamel Ġesù ma’ dik il-mara li kienu se jħaġġruha għax għamlet id-dnub – ħafrilha u qalilha biex ma tagħmilx dnub aktar.  Tfal aħna wkoll rridu nagħmlu bħal Ġesù.  Meta naraw tfal oħra bħalna li qed jagħmlu xi ħaġa ħażina aħna mhux nwarrbuhom rridu imma nħobbuhom u ngħinuhom jerġgħu jagħmlu dak li hu tajjeb.  U b’mod speċjali għandna nħobbu lil dawk it-tfal li narawhom ibatu għax hemm l-inkwiet fil-familji tagħhom.

Ir-Randan

.

Dan ir-Randan tfal ħalluh ikun speċjali għalikom.  Se nagħtikom ftit ideat kif tistgħu tagħmlu dan:

  • Fittxu lil Ġesù fit-talb ta’ kuljum b’mod speċjali fil-quddiesa
  • Agħmlu xi sagrifiċċju biex jgħinkom iżżommu sodi quddiem il-ħażin
  • Ippruvaw ħobbu aktar fil-familja tagħkom billi turu aktar rispett lejn il-ġenituri tagħkom u lejn ħutkom
  • U meta tkunu ma’ sħabkom tibżgħux tagħmlu dak li hu tajjeb.

Ma nistax nimmaġina mod isbaħ illum kif ngħixu dan ir-Randan milli lkoll nagħtu s-sehem tagħna ħalli jkun hawn aktar tajjeb fid-dinja ta’ madwarna.  Hekk id-dinja ssir tixbah aktar lil ħolqien li ħalaq Alla fil-bidu.

Nagħtikom il-barka pastorali tiegħi

+ PAWLU CREMONA O.P.

Arċisqof ta’ Malta

Agħfas hawn biex tara l-Ittra Pastorali għat-Tfal fuq YouTube: