“Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?” (Ġw 11:25-26). Ġesù jagħmel din il-mistoqsija lil Marta, oħt Lazzru u Marija, tlieta mill-ħbieb intimi ta’ Ġesù. L-Evanġelju li għadna kemm smajna llum jgħidilna ċar li Ġesù kien iħobbhom ħafna lil Marta, Marija u Lazzru.

Fil-bidu tal-Evanġelju li smajna tasal l-aħbar lil Ġesù li l-ħabib tiegħu Lazzru marid: “Mulej, ara ħabibek marid” (Ġw 11:3). Il-mard ipoġġi lilna nfusna l-bnedmin wiċċ imb wiċċ mal-fraġilità tagħna u wkoll mal-misteru tal-mewt tagħna. Il-marid spiss jgħaddi minn mumenti ta’ umiljazzjoni kbira, donnu dak kollu li ħabb u li għożż jibda jċedi u jitbiegħed minnu. Il-Knisja takkumpanja lill-morda bis-sagrament tad-Dilka tal-Morda. U meta jasal il-mument tal-mewt, il-faraġ tal-Knisja jieħu l-forma ta’ dak li nsejħulu l-Vjatku li huwa s-sagrament tad-Dilka tal-Morda msieħeb mal-Ewkaristija li tingħata lil min ikun qed joqrob lejn l-aħħar mumenti tal-ħajja tiegħu fuq din l-art bħala l-Ikla Qaddisa għall-vjaġġ li jwassal fl-eternità.

Aħna l-Isqfijiet inħeġġu lill-Insara tagħna li meta aħna jew qraba tagħna jidħlu fl-isptarijiet jew f’residenzi ta’ kura, ninfurmaw mill-ewwel lil min hu responsabbli li aħna nixtiequ l-faraġ u l-konsolazzjoni tas-saċerdoti u tas-sagramenti. Huwa importanti li nagħmlu din l-għażla u ninfurmaw lil min hu responsabbli b’din l-għażla.

Il-mewt tiġi u tiġi fuq kulħadd u hija mument ta’ firda u fl-istess ħin għall-Insara mument li nidħlu f’qoxritna u niskopru l-qawwa tal-Mulej Ġesù li ssallab għalina u rxoxta. Ġesù, quddiem il-misteru tal-mewt tal-ħabib tiegħu, beka (Ġw 11:35). Il-bikja ta’ Ġesù hija bikja sinċiera. Tfakkarna li hu Alla magħmul bniedem; tfakkarna li l-misteru tal-mewt ma jbeżżax biss lilna bnedmin dgħajfa imma jolqot fil-laħam il-ħaj lil kulħadd.

Malli wieħed minna jmut, tajjeb li jissejjaħ is-saċerdot. Fl-isptarijiet tagħna min ikun avża li jixtieq il-konsolazzjoni tas-saċerdot, ikollu wkoll it-talb tas-saċerdot immedjatament mal-mewt tiegħu. Is-saċerdot ikun hemm ukoll preżenti biex jitlob mal-familjari u jagħtihom ukoll il-faraġ tal-Kelma ta’ Alla u tal-preżenza tiegħu. F’dawn il-mumenti m’hemmx għalfejn ħafna kliem imma l-preżenza tas-saċerdot hija minnha nnifisha balzmu għar-ruħ u għall-qalb ta’ dak li jkun.

Aħna l-Isqfijiet nixtiequ nirringrazzjaw lis-saċerdoti djoċesani u reliġjużi li joffru s-servizzi tagħhom fil-parroċċi u l-komunitajiet, fl-isptarijiet, u fir-residenzi speċjalizzati ta’ kura biex ikunu preżenti fil-mumenti tal-aħħar nifs ta’ dak li jkun u jkunu wkoll ta’ spalla, ta’ faraġ, ta’ kelma ta’ konsolazzjoni lill-qraba ta’ dak li jkun miet, tal-persuna li tgħaddi għall-ħajja ta’ dejjem.

Tajjeb li aħna l-familjari, meta jiġi nieqes xi ħadd minna, xi ħadd għażiż tal-familja, nidraw nissieħbu mat-talb tal-Knisja, it-talba għażiża li ngħidu: ‘Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi lilu, jistrieħ fis-sliem.’ Din hija talba li lkoll kemm aħna għandna nirrepetu kemm-il darba meta naħsbu f’xi ħadd għażiż tagħna li għamel l-aħħar pass, l-aħħar vjaġġ minn din id-dinja għad-dinja aħjar, għall-ħajja ta’ dejjem.

F’Malta aħna mdorrijin li s-saċerdot jakkumpanjana mill-kamra mortwarja sal-knisja u mill-knisja saċ-ċimiterju fejn issir id-difna. Minħabba li n-numru ta’ saċerdoti fil-parroċċi qiegħed dejjem jonqos u minħabba li l-ħin biex is-saċerdot jasal sal-kamra mortwarja u lura lejn il-knisja qed jiżdied minħabba t-traffiku, inħass li s-saċerdot aħjar ikun disponibbli fil-knisja għall-quddiesa li jkun hemm qabel il-funeral u biex joffri sabar lin-nies fil-knisja u jamministra l-qrar lil dawk li jkunu qed jippreparaw biex jipparteċipaw fil-quddiesa tal-funeral. Qegħdin nagħmlu għażla mhix faċli, għażla iebsa, li s-saċerdoti ma jibqgħux jakkumpanjaw l-għeżież mejtin tagħna mill-kamra mortwarja. Minflok il-mejtin tagħna jkunu akkumpanjati mill-qraba, u s-saċerdot jilqagħhom fil-bieb tal-knisja u hemmhekk issir it-talba tal-barka qabel tibda ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tal-funeral. ’Il quddiem jinħarġu wkoll direttivi iżjed speċifiċi ta’ kif dan se jiġi organizzat u jibda jseħħ propju minn wara l-Għid imqaddes. 

Iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, aħna l-Isqfijiet nafdaw li tkun dejjem att ta’ fidi fil-fidwa li ġab Ġesù, dik il-fidi li fiha aħna nemmnu li hu “l-qawmien u l-ħajja”. Minn hawn u ftit jiem oħra aħna niċċelebraw il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet, ir-rebħa tiegħu fuq il-misteru tal-mewt, li jġibilna tant dulur u tant ansjetà.

Wara l-quddiesa li għandha tkun propju espressjoni ta’ fidi, liturġija sobrija, dinjituża u meqjuma, ikun hemm ir-rit tal-aħħar tislima li huwa l-istess espressjoni ta’ din l-istqarrija tal-fidi, mod kif aħna nirringrazzjaw lil Alla ta’ dak kollu li għamel ma’ ħutna l-mejtin kif ukoll nafdaw lill-mejtin ħutna għall-ħniena, il-mogħdrija u l-kompassjoni ta’ Alla.

Il-purċissjoni lejn iċ-ċimiterju tibqa’ ssir akkumpanjata mill-kleru għażiż tagħna u aħna l-Isqfijiet nitolbu li din il-purċissjoni li ssir mill-knisja fejn tkun saret il-quddiesa tal-funeral għaċ-ċimiterju tibqa’ tkun purċissjoni ta’ dinjità. Anke jekk hemm bżonn trasport propju f’sitwazzjoni li mhux dejjem tkun faċli u minkejja li tista’ tieħu t-tul, aħna qed nagħmlu l-għażla li nakkumpanjaw lil ħutna għad-difna. Din hija għażla li qegħdin nagħmlu u nitolbu wkoll il-koperazzjoni ta’ kulħadd biex dan il-mument importanti fejn il-Knisja qed takkumpanja lil uliedha għad-difna, dejjem isir b’rispett, dinjità u bi spirtu ta’ fidi.

Ir-rit tad-difna huwa mument partikulari ħafna fejn il-fdalijiet ta’ ħutna jintraddu lejn l-art u waqt li jingħalqu l-kaptelli, inħossu għafsa kbira ta’ qalb. It-talb tal-Knisja, il-preżenza tas-saċerdot nixtiquha tkun il-faraġ, il-kompassjoni u s-solidarjetà ta’ kull wieħed u waħda minna, ta’ kull min jgħaddi mid-dulur, mil-luttu tat-telfa ta’ xi ħadd għażiż.

Qegħdin ngħixu f’soċjetà li tibża’ taffaċja l-mard u l-mewt. Aħna l-Insara għandna risposta differenti quddiem dak li jagħtina dulur kbir. Hija l-fidi tagħna f’Ġesù li qam mill-imwiet imma li ġarr fuqu l-mard tagħna, li ħa fuqu t-tbatija tagħna, l-umiljazzjoni tagħna, saħansitra d-dnub tagħna. Sallabnieh bi dnubietna imma hu rxoxta għax afda fil-Missier. Ir-rit kollu tal-funeral irid ikun dan l-att ta’ fiduċja li permezz tiegħu aħna li għadna hawn, nafdaw lill-għeżież tagħna, li tant ħabbewna u li aħna nibqgħu nħobbu għal dejjem, f’idejn Alla li huwa mħabba, f’idejn il-Mulej li b’wiċċu minn quddiem, quddiem Marta tibki lil ħuha jgħidilha: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix, u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt”. U għad-domanda ta’ Ġesù lil kull wieħed u waħda minna: “Temmnu inti dan?” (Ġw 11:25-26), jalla r-risposta tagħna tkun dik ta’ Marta: “Iva, Mulej, jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja” (Ġw 11:27).

Bil-qalb nagħtukom il-barka pastorali tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

     Dun Charles Bugeja
Kanċillier