-
-
Fid‑dawl tas‑Sinodu tal‑Isqfijiet dwar “Iż‑Żgħażagħ, il‑Fidi u d‑Dixxerniment Vokazzjonali” li sejjaħ il‑Papa Franġisku f’Ottubru li ġej, il‑kappillani tas‑70 parroċċa ddiskutew ir‑realtà taż‑żgħażagħ waqt il‑live‑in annwali tal‑kappillani. Dan sar bejn it‑Tlieta, 9 ta’ Jannar u l‑Ħamis, 11 ta’ Jannar 2018, fis‑Seminarju tal‑Arċisqof, Tal‑Virtù.
Matul il‑live‑in, li għalih kien preżenti l‑Arċisqof Charles J. Scicluna, il‑kappillani kellhom l‑opportunità jisimgħu miż‑żgħażagħ stess il‑ħidma li qed issir mill‑kummissjoni tal‑Knisja għaż‑żgħażagħ: Malta Catholic Youth Network (MCYN). Huma ddiskutew kif il‑Knisja għandha twassal il‑Bxara t‑Tajba liż‑żgħażagħ illum, b’mod speċjali dawk li mhumiex involuti fid‑diversi għaqdiet tal‑Knisja. Preżentazzjoni oħra kienet dwar il‑ħidma pastorali li qed issir mill‑Uffiċċju Żvilipp Spiritwali fl‑Iskejjel, mal‑adolexxenti u ż‑żgħażagħ fl‑iskejjel sekondarji.
Il‑kappillani qasmu l‑esperjenzi tagħhom fil‑parroċċi dwar il‑ħidma pastorali maż‑żgħażagħ, u tkellmu dwar l‑importanza li tinbena relazzjoni awtentika maż‑żgħażagħ biex isibu min jakkumpanjahom matul dan il‑perijodu sabiħ u ta’ tfittxija fil‑ħajja. Dawn it‑tliet ijiem pprovdew ukoll ħin ta’ talb bejn il‑kappillani u l‑Arċisqof li għalaq il‑live‑in bil‑messaġġ tiegħu biex f’ismu u f’isem il‑Knisja jxandru l‑ferħ tal‑Evanġelju u jkunu dejjem aktar qrib in‑nies.
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja