Quddiesa tal-Ħadd mis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa – 31 ta' Mejju, 9:30am

Quddiesa tal-Ħadd mis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa – 31 ta' Mejju, 9:30amPowered by Restream https://restream.io/

Posted by Archdiocese of Malta on Sunday, May 31, 2020

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju li għadna kemm smajna jerġa’ jeħodna għall-jum tal-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet, dak il-Ħadd filgħaxija fl-ewwel jum tal-ġimgħa.

Fih innifsu l-ewwel jum tal-ġimgħa jfakkarna fil-ħolqien u llum qegħdin infakkru dan id-don kbir li jagħti Ġesù lilna lkoll skont il-wegħda tiegħu: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu” (Ġw 20:22). Il-ġest li għamel fl-ewwel jum tal-ġimgħa, dak il-Ħadd stess tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, ifakkarna fil-ħolqien tal-bniedem skont ir-rakkont tal-Ġenesi. F’dan il-mit antik ħafna fir-rakkont tal-ewwel ktieb tal-Bibbja nsibu li Alla ħalaq il-bniedem billi għamel xbieha tiegħu tat-tafal imbagħad nefaħ fiha. Ġesù jonfoħ fuq id-dixxipli tiegħu u joħloqhom mill-ġdid: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu”.

Il-Knisja, meta titlob lill-Ispirtu qaddis tal-Mulej, lill-Ispirtu s-Santu, it-tielet Persuna tas-Santissima Trinità, tindirizzah bit-titlu sabiħ ta’ Spirtu Ħallieq, Creator Spiritus. L-ispirtu huwa preżenti, kien preżenti fil-ħolqien tal-univers u jibqa’ jġedded il-Knisja bil-fjamma tal-imħabba li jnissel fil-qalb ta’ kull Nisrani.

Illum il-ħsieb tiegħi jmur għal tant adolexxenti li kienu qegħdin jippreparaw biex jirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu fil-Griżma u għadhom fl-istennija ta’ dan id-don. Nawguralhom li ma jdumux ma nkunu nistgħu, bil-ħidma tal-Isqfijiet tagħna u tad-delegati tiegħi, nagħtuhom dan id-don kbir u qaddis, li jikkonferma l-għażla li għamlu l-ġenituri tagħhom meta dawn l-għeżież ħutna tgħammdu.

Fis-Sekwenza, dan l-innu sabiħ, li bħal-lum il-Knisja tkanta qabel l-Evanġelju, lill-Ispirtu s-Santu nsellmulu b’titlu tassew qawwi: “O Missier il-foqra tiegħek”, pater pauperum, Missier il-foqra. U jekk aħna rridu nilqgħu d-don tal-Ispirtu s-Santu m’għandniex għalfejn nitfixklu jekk aħna quddiemu nħossuna fqar għax dak ifisser li r-ruħ u l-qalb tagħna għandhom għatx għalih għax huwa wkoll għajn safja, huwa “fewġa ħelwa għar-ruħ” (sekwenza).

Illum il-ħsieb tiegħi jmur għal tant adolexxenti li kienu qegħdin jippreparaw biex jirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu fil-Griżma u għadhom fl-istennija ta’ dan id-don. 

Aħna iżjed ma nagħrfu l-faqar tagħna, iżjed nattiraw fuqna u f’qalbna l-Ispirtu tal-Mulej għax hu missier il-foqra jiġi bid-doni tiegħu, jiġi bid-dawl imqaddes tiegħu. Hemm żewġ tentazzjonijiet li fit-tagħlim tal-Papa Franġisku hemm bżonn nevitaw. L-ewwel tentazzjoni hija li aħna nħossuna tant O.K. li m’għandniex għarfien tal-faqar tagħna, tal-bżonn radikali li għandna tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej, dak li l-Papa jsejjaħlu ‘neo Pelaġjaniżmu’, kelma tqila imma tfisser li inti taħseb li se ssalva lilek innifsek bil-qawwa tiegħek.

Illum aħna nduru lejn dan il-konsolatur, dan l-avukat tagħna. Aħna għandna bżonn konsolatur għax għandna bżonn nitfarrġu, għandna bżonn avukat għax kultant insibu min jakkużana u għandna bżonn min jiddefendina. Għandna bżonn min jieqaf ħdejna u jkun magħna. U dan kollu huwa l-Ispirtu tal-Mulej li llum jitfawwar fl-għejjun tal-Knisja, fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna.

“Ejja Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek” (versett qabel l-Evanġelju).

It-tieni tentazzjoni li javzana fuqha l-Papa Franġisku fit-tagħlim tiegħu b’mod speċjali fl- Eżortazzjoni Appostolika sabiħa tiegħu dwar il-qdusija ‘Ifirħu u Thennew’, huwa dak li jsejjaħlu n-‘neo Njostiċiżmu’. Dan x’inhu? Hija li inti taħseb li l-Ispirtu s-Santu huwa tant ’l fuq mill-ħolqien u biex taħseb togħġbu tiddisprezza l-ħolqien, ġismek, in-natura li hawn madwarna u ’l ħutna. L-Ispirtu s-Santu huwa ħallieq, kulma għamel huwa tajjeb. Min jiddisprezza lilu nnifsu, lil ġismu, lil ġisem ħaddieħor, lill-ħoqien, għadu ma fehemx min hu l-Ispirtu qaddis tal-Mulej.

Hemm aspetti li fuqhom l-Ispirtu qaddis bid-dawl tiegħu jwissina dwarhom: li aħna nsiru strumenti tal-ħażen, tal-egoiżmu, tar-regħba, tal-vjolenza. Imma meta aħna mfawrin mill-imħabba tiegħu, niddedikaw lilna nfusna għall-imħabba, allura nkunu tassew skulari tal-Ispirtu s-Santu.

L-Ispirtu s-Santu huwa ħallieq, kulma għamel huwa tajjeb. Min jiddisprezza lilu nnifsu, lil ġismu, lil ġisem ħaddieħor, lill-ħoqien, għadu ma fehemx min hu l-Ispirtu qaddis tal-Mulej.

“Agħti ’l kull virtu sabiħa ħlas ta’ salvazzjoni sħiħa, agħti l-ġenna lit-tajbin” (Sekwenza). Aħna llum nitolbu f’għaqda mal-Qdusija Tiegħu l-Papa biex l-Ispirtu s-Santu bħalma titlob il-Knisja f’din il-festa, isawwab id-dawl, il-qawwa, il-faraġ, l-imħabba tiegħu fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. “Ejja Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek u kebbes fihom n-nar ta’ mħabbtek”.

✠ Charles Jude Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 2, 1-11
Salm:103 (104), 1ab.24aċ.29bċ-30.31.34
Qari II: 1 Kor 12, 3b-7.12-13
Evanġelju: Ġw 20, 19-23