L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Is-silta mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, li smajna llum fit-Tieni Qari, tfakkarna fix-xirka tal-Appostli. Fil-fatt, San Luqa li kiteb l-ktieb tal-Atti tal-Appostli, jerġa’ jirrepeti l-ismijiet tal-Appostli tal-Mulej. Din id-darba jsemmi ħdax, għaliex Ġuda l-Iskarjota, ma kienx għadu magħhom. “Ilkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, Omm Ġesù u ma’ ħutu.” (Atti 1:14).

Dan il-vers qasir, il-vers 14 tal-ewwel kapitlu tal-Atti tal-Appostli, jippreżentalna x-xirka tad-dixxipli tal-Mulej, li huma magħżula biex jagħmlu dak kollu li hu ordnalhom b’tifkira tiegħu, magħqudin ilkoll f’qalb waħda. Din l-għaqda, hi qabel kollox għaqda fit-talb. Madwarhom u fosthom hemm l-omm.

Din il-parroċċa għażiża, dedikata lil Ġesù Nazzarenu, mill-bidu kienet afdata lill-Ordni tal-Predikaturi; li kull fejn ikun inissel ġustament devozzjoni qawwija lejn il-Mulej – Ġesù ta’ Nazaret, u lejn l-omm – Marija ta’ Nazaret. Wara kollox ma kienx ikollna lil Ġesù ta’ Nazaret, in-Nazzarenu, jekk ma kienx għal Marija ta’ Nazaret. Aħna wkoll imsejħin biex ngħixu din il-ħajja ta’ xirka, qalb waħda, flimkien ma’ Marija, omm Ġesù u ma’ ħutu. Illum ħutu mhumiex dawk l-imnisslin mill-familja ta’ Ġużeppi jew mill-familja ta’ Marija; imma aħna lkoll. Bil-misteru tal-magħmudija li nirċievu fil-parroċċi tagħna, bħalma hi l-Parroċċa tan-Nazzarenu, f’Tas-Sliema; aħna nsiru parti mill-familja ta’ Ġesù.

Fuq din il-familja, il-Knisja tpoġġi nar, biex ikun qabilna, fostna u warajna. Qabilna biex jurina t-triq, fostna biex jimxi magħna, u warajna biex ma jinsa lil ħadd li forsi fil-pjan għotor, u jagħti xi mbuttatura tajba.

Għażiż Patri Claudio, nawguralek għal din ix-xirka magħquda flimkien ma’ Marija Omm Ġesù, li tqim devozzjoni kbira lejn Ġesù Nazzarenu. Inti timxi quddiem biex tagħti d-direzzjoni. Timxi f’nofs il-merħla afdata f’idejk, billi tkun magħha, tismagħha; forsi wkoll ittaffi xi feriti, xi ġerħa, tagħti l-balzmu tal-faraġ. Timxi wkoll warajha, biex ħadd ma jibqa’ lura jew jitlef it-triq.

Quddiem il-Knisja sabiħa u rinovata, hemm miktub bil-Latin: “Ejjew għandi, intom lkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28). Dan il-kliem, li taqrah kull darba li tqaddes, għażiż Patri Claudio; irid ikun ukoll programm tal-pastorali tiegħek għalik u għall-komunità għażiża, li inti parti minnha, tal-Ordni tal-Predikaturi. Qiegħed f’parroċċa ridotta fit-territorju, imma l-ħin kollu tħares lejn is-sema, bil-bini tiela’ u bin-nies joqogħdu fih. Nies li mhumiex bilfors mill-parroċċa tradizzjonali li nafu; imma min jaf kemm ġejjin pajjiżi, minn kulturi differenti. Dawn ukoll parti mill-merħla tiegħek.

Hi sfida kbira, bħalma hi sfida f’diversi parroċċi oħra f’Tas-Sliema. Fil-fatt il-komunità qiegħda tikber, mhux bil-mod tradizzjonali, permezz tal-ulied, u l-ulied tal-ulied, dawk qed jonqsu; imma bil-barranin li qed jiġu fostna, li dawn huma wkoll parti mill-parroċċa tagħna.

Inti timxi quddiem biex tagħti d-direzzjoni. Timxi f’nofs il-merħla afdata f’idejk, billi tkun magħha, tismagħha; forsi wkoll ittaffi xi feriti, xi ġerħa, tagħti l-balzmu tal-faraġ.

L-isfida li għandna, aħna li għandna l-preżenza ta’ Ġesù fit-territorju, hu li ninkluduhom. Hi sfida kbira li tirrikjedi wkoll aċċessibbiltà tal-lingwa u ta’ komunikazzjoni. Sfida li mhix żgħira; imma jekk tafda fil-Mulej Ġesù Nazzarenu u f’ommu, Marija ta’ Nazaret; jalla jkollok il-faraġ ta’ ragħaj, li jagħmel kulma jista’ biex jimxi qabel il-merħla, f’nofs il-merħla, u wara l-merħla.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġona 4:1-11
Salm: 85 (86):3-4.5-6.9-10
Evanġelju: Lq 11:1-4

Aktar ritratti >>