Din l-armla li tant timpressjona lil Ġesù, u li x’aktarx tfakkru f’ommu, li dak iż-żmien kienet armla wkoll; tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix. L-offerta tagħha, hi offerta totali. Hi att ta’ fidi fil-providenza t’Alla. Il-Mulej iħares lejn il-kwalità ta’ din l-offerta, fil-konfront tal-kwantità ta’ ħaddieħor; japprezza s-sinifikat profond ta’ min jagħti dak kollu li jista’ u bil-qalb. Għandna ħafna x’nitgħallmu minn din l-armla li tibqa’ mingħajr isem. Ma nafux x’kien jisimha, imma li tefgħet iżjed minn ħaddieħor; anzi jgħid: “din l-armla l-fqira tefgħet iktar minnhom lkoll” (Lk 21:3).

Għeżież li qegħdin tiggradwaw hawn llum, u dawk li qed isegwuna wkoll permezz tal-mezzi soċjali. Intom lil Alla offrejtulu l-ħin u l-enerġija tagħkom fil-formazzjoni tagħkom. Jalla din tkun offerta ta’ kwalità iżjed milli ta’ kwantità. Jalla l-Mulej li jara l-qalb, jifhem u juża l-offerta tal-ħin tagħkom, tax-xjenza tagħkom, tal-istudju tagħkom, għall-ġid tal-Knisja.

Fl-ewwel qari, f’dan ir-rakkont tipiku tal-aħħar jiem tas-sena liturġika, naraw lil dawn l-erba’ żgħażagħ: lil Danjel, Ħananija, Misaèl u lil Għażarija; jiddeċiedu li jkunu leali lejn il-liġi t’Alla, f’sitwazzjoni fejn kien hemm bżonn li huma jiġu ppreżentanti quddiem ir-re ta’ din id-dinja. Il-Mulej berikhom mhux biss bis-saħħa imma wkoll bl-għerf. Waħda mill-konklużjonijiet ta’qari bħal dan hi li l-għerf tassew, ma jiġix bil-kompromessi ta’ din id-dinja, imma bil-fedeltà tagħna lejn Alla. Il-fedeltà tagħna lejh hi l-kapaċità li nilqgħu l-ħniena tiegħu fuqna, il-ħarsa tiegħu ta’ ħniena. Iżjed ma nilqugħha, iżjed inkunu verament denji tal-ħarsa tiegħu, li hi dejjem ħarsa ta’ ħniena.

L-akklamazzjoni ta’ qabel l-Evanġelju, tipika ta’ dawn iż-żmien tal-aħħar ġranet tas-sena liturġika u tal-bidu ta’ sena ġdida jfakkruna biex nishru u nkunu lesti “għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi bin il-bniedem” (Mt 24:42a.44). Eżortazzjoni bħal din, mhix biex titfagħna f’viġilanza anzjuża tal-miġja tal-Mulej imma biex tistedinna fi stennija ferrieħa tal-miġja tiegħu. Li nifhmu li kull jum fil-ħajja tagħna hu prezzjuż għax ma nafux jekk hux tal-aħħar. Ma nafux.

Nitolbu li s-sahra tagħna, il-viġilanza tagħna tkun b’għajnejn miftuħa. M’hemmx mod ieħor, forsi iżjed ħafif kif wieħed jopera, juża l-intellett, qalbu, ħalli japprofondixxi l-għarfien tal-Mulej, tal-Knisja tiegħu, tat-tagħlim tal-Knisja.

Il-Mulej ibierek il-ħidma tagħkom u bl-interċessjoni ta’ Santa Ċeċilja jagħmel li l-ħajja tagħkom tkun għanja ġdida.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Dan 1:1-6, 8-20
Salm: Dan 3:52.53.54.55.56
L-Evanġelju: Lq 21:1-4