Fl-aħħar ta’ Novembru, iż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK) laqgħet f’Malta madwar 60 voluntier mill-Italja (Azione Cattolica Italiana), ir-Rumanija (Acţiunea Catolică din România), Spanja (Acción Católica General) u Malta (ŻAK Malta) għall-aħħar parti tas-sħubija ta’ proġett ta’ riċerka intensiva li ilu għaddej tliet snin bl-isem ta’ ‘Supporting Volunteers in Youth Organisations (SVYO)’, bl-iskop li jiskopri r-raġunijiet varji li jfixklu lill-voluntiera żgħażagħ li jimpenjaw ruħhom fit-tul fi ħdan dawn l-erba’ organizzazzjonijiet tal-Azzjoni Kattolika.

Imsawwar fi ħdan il-kuntest ferm ikbar tas-Sinodu tal-Knisja Universali, il-proġett għandu l-għan li verament nisimgħu liż-żgħażagħ tagħna, l-isfidi u l-bżonnijiet tagħhom, u l-ħolm u l-aspirazzjonijiet li għandhom. Il-proġett ġie msejjes abbażi ta’ diversi avvenimenti, diskussjonijiet u taħriġ bejn dawn l-għaqdiet li ispiraw dan il-proġett. Fl-ispirtu wkoll ta’ kliem il-Papa Franġisku stess, li jinkuraġġina ngħinu liż-żgħażagħ tagħna jkunu protagonisti f’ħajjithom u fil-ħajja tal-Knisja, sabiex id-dinja tinbidel.

Il-programm għal dawn it-tlett ijiem beda b’konferenza stampa il-Ġimgħa filgħodu, fejn ġew ippreżentati r-riżultati tar-riċerka. Il-koordinatur tar-riċerka, Anthony Mifsud, spjega: “L-għanijiet tar-riċerka huma mifruxa sew, fis-sena li kellna 4 organizzazzjonijiet, li tfisser 4 pajjiżi differenti, b’ħafna mistoqsijiet dwar x’inhuma l-bżonnijiet taż-żgħażagħ tagħhom, x’hemm offrut, x’inhu dak li mhux qed jiġi offrut, x’qed jibbenefikaw l-voluntiera żgħażagħ mill-organizzazzjonijiet u x’qed iġiegħelhom jitilqu minn dawk l-għaqdiet. Għalhekk kellna nagħmlu żewġ fażijiet ta’ riċerka, dik kwantitativa u dik kwalitattiva.” 

L-ewwel fażi kienet dik kwantitattiva li kienet tikkonsisti minn 2,044 kwestjonarju, kif ukoll data miġbura minn 50,000 membru f’dawn l-organizzazzjonijiet. Fit-tieni fażi, il-metodoloġija kienet ibbażata iktar fuq diskussjonijiet f’forma ta’ 25 focus groups ma’ membri preżenti u 37 kwestjonarju fid-dettal ma’ ex-membri tal-organizzazzjonijiet, li r-riżultati tagħhom kienu analizzati primarjament tul it-workshops matul il-weekend bejn il-koordinaturi u l-membri tal-4 għaqdiet.

Il-workshops li saru l-Ġimgħa u s-Sibt servew sabiex l-organizzazzjonijiet josservaw l-istampa li ttieħdet permezz tar-riċerka, iżda dawk tal-Ħadd saru biex jistabilixxu l-prijoritajiet ta’ kif se jimxu l-organizzazzjonijiet minn issa ‘l quddiem. Fost diversi mistoqsijiet li ġew diskussi kien hemm l-identità u l-għanjiet tal-għaqdiet, l-aspettazzjonijiet taż-żgħażagħ f’dawn l-organizzazzjonijiet u jekk dawn humiex jiġu milħuqa. Fiex jidħol Alla u l-Knisja fl-assoċjazzjonijiet tagħna u x’formazzjoni għandna bżonn? Dawn fost ukoll mistoqsijiet li jikkonċernaw żgħażagħ li m’għadhomx jiffurmaw parti mill-organizzazzjoni, kif ukoll mistoqsijiet li jqabblu l-mixja taż-ŻAK f’Malta ma’ dik fil-pajjiżi parteċipi. 

Tul dan il-proġett internazzjonali, l-erba’ organizzazzjonijiet iffukaw ħafna fuq ir-riżultati li ħarġu minn dawn il-mistoqsijiet, u għarfu iktar kif jistgħu jaddattaw sabiex jgħinu lil protagonisti żgħażagħ  fl-iżvilupp tal-organizzazzjoni, għall-benefiċċju tal-Knisja u l-komunitajiet tagħna. Għarfu ukoll li dawn l-erba’ pajjiżi jistgħu jgħinu lil xulxin billi jgħatu feedback siwi biex ikomplu jissaħħew u jimxu ‘l quddiem flimkien. Il-konklużjoni li saret fl-aħħar ġurnata, ħarġu pjanijiet attwali għal kull organizzazzjoni, fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali, b’mod kollaborattiv. 

Codruta Fernea, il-koordinatriċi lokali għall-Azzjoni Kattolika fir-Rumanija stqarret li “dan l-eżerċizzju kien wieħed importanti ħafna, b’mod speċjali fil-kuntest internazzjonali tal-Knisja”, fid-dawl tas-Sinodu u l-enfażi li nisimgħu. Hi kompliet billi qalet “dan il-proġett ġie fil-mument opportun fejn konna lesti li nagħmlu pass fil-ġenb u nisimgħu”. Kirsty Cauchi, membru u leader fiż-ŻAK li pparteċipat f’dan is-seminar qalet li mhux biss kien wieħed interessanti iżda informattiv. Kompliet tgħid li kisbet iktar informazzjoni dwar l-organizzazzjoni li tippartjeni fiha u li għaliha kienet esperjenza sabiħa ħafna li kellha l-opportunità tiddiskuti ma’ għaqdiet oħra internazzjonali. Emanuela Gitto, li hija responsabbli mill-koordinazzjoni taż-żgħażagħ fil-Forum Internazzjonali tal-Azzjoni Kattolika tispera li dan il-proċess ma jispiċċax meta l-proġett jispiċċa, imma li bħala Azzjoni Kattolika, jkomplu jaħdmu flimkien lejn opportunitajiet ġodda fejn jistgħu jaqsmu u jipproponu djalogu ‘lil hinn mill-konfini tagħhom. 

Dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-programm tal-Erasmus+ u beda fl-1 ta’ Mazyu 2021 u se jkun qed jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2023. Dan l-istudju se jkun pubbliku fit-tmien tal-proġett.