‘Jeħtieġ iżda li naslu fi gżira’ (Atti 27, 26) hija t-tema magħżula mill-Isqfijiet Maltin għaż-żjara tal-Papa Benedittu XVI f’Malta, is-Sibt 17 u l-Ħadd 18 ta’ April 2010. Dan il-vers mill-Atti tal-Appostli ntagħżel mill-Isqfijiet propju għaliex is-silta f’dan il-kapitlu turi li għalkemm il-pjan u l-vjaġġ ta’ San Pawl kien li jmur Ruma, Alla kellu pjan differenti u ried li l-ġifen joħroġ minn triqtu u jasal Malta.
Bħala waħda mill-ewwel iniżjattivi bi tħejjija għaż-żjara tal-Papa f’Malta, il-kumitat organizzattiv ippresedut minn Mons Charles Cordina qed iniedi kompetizzjoni għal dawk kollha li jixtiequ jissotomettu logo li se jintuża speċifikament għal din iż-żjara. Il-logo għandu jorbot mat-tema magħżula mill-Isqfijiet.
Kull minn huwa interessat għandu jibgħat id-diżinn/diżinji tiegħu fuq karta A4, stampata f’zewġ verżjonijiet: bil-kulur u monochrome, flimkien ma’ CD li fuqha jkun hemm l-istess logo b’format psd u vector. Kull sottomissjoni g]anda tinkludi ittra bid-dettalji tal-persuna li ddiżinja l-logo u deskrizzjoni ta’ dak li tissimobolizza għall-artist. Is-sottomissjonijiet jistgħu jsiru sa mhux aktar tard minn nhar l-Erbgħa, 16 ta’ Diċembru, 2009.
Dan il-materjal għandu jintbgħat fl-indirizz: Kumitat Organizzattiv Żjara tal-Papa, Kurja tal-Arċisqof, Floriana. F’kaz ta’ xi diffikulta wieħed jista’ jibgħat e-mail fl-indirizz: [email protected]
Il-Kumitat organizattiv qed jistieden ukoll lis-surmastrijiet tal-korijiet liturġiċi biex jesprimu l-interess tagħhom biex jiffurmaw, jippreparaw u jmexxu żewġ korijiet biex jagħtu s-servizz tagħhom fiż-żjara tal-Papa f’ Malta.
Ser ikun hemm bżonn is-servizz ta’ żewġ (2) korijiet, wieħed biex janima l-kant is-Sibt filgħaxija fir-Rabat, u ieħor biex jagħti s-servizz tiegħu l-Ħadd filghodu fil-Quddiesa ta’ fuq il-Fosos.
- Is-servizz waqt iċ–ċelebrazzjoni tar-Rabat
- F’din iċ-ċelebrazzjoni hu meħtieġ is-servizz ta’ kor stabilit u orkestra biex janimaw il-kant kemm fiċ-ċelebrazzjoni ta’ tħejjija li ssir immedjatament qabel il-miġja tal-Papa fir-Rabat, kif ukoll waqt iċ-ċelebrazzjoni nnifisha.
- Il-kant li jintgħażel irid jittieħed mill-kotba Għanjiet il-Ġemgħa jew Iktus. L-għażla tal-kant trid issir bi qbil ma’ Dun Jesmond Manicaro, delegat tal-Arċisqof għal-Liturġija u Segretarju tal-Kummissjoni Liturġika Interdjoċesana.
- M’hemm l-ebda “honorarium” marbut ma’ dan is-servizz liturġiku.
- Il-Quddiesa fuq il-Fosos
- Il-Quddiesa – Kyrie, Gloria, Sanctus u Agnus Dei – ikunu bil-Latin, xogħol ta’ kompożitur Malti, ħaj jew mejjet.
- Il-Quddiesa trid tkun ghall-kor u l-orkestra. Tista’ tkun alternata mal-gregorjan.
- Il-partijiet kollha imsemmija f’2a ma għandhomx jieħdu aktar minn 20 minuta.
- Il-kor irid ikun magħmul minn tfal u adulti.
- Il-kant l-ieħor: fil-mument ta’ tħejjija, l-introjtu, Hallelujah, l-offertorju, akklamazzjoni wara l-konsagrazzjoni, it-tqarbin u l-għeluq jittieħed mill-kotba Għanjiet il-Ġemgħa jew Iktus. L-għażla tal-kant issir bi qbil ma’ Dun Jesmond Manicaro, delegat tal-Arċisqof għal-Liturġija u Segretarju tal-Kummissjoni Liturġika Interdjoċesana.
- Fil-bidu ta’ Jannar, is-surmast irid jagħmel “auditions” għal dawk interessati u jibda l-provi b’mod regolari f’post ċentrali pprovdut mill-Arċidjoċesi.
- M’hemm l-ebda “honorarium” marbut ma’ dan is-servizz liturġiku.
Is-surmastrijiet interessati għandhom:
- Jindikaw f’liema servizz liturġiku jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom.
- Fil-każ tal-Quddiesa jibagħtu recording jew l-iscore mużikali.
- Fil-każ tas-servizz liturġiku tar-Rabat, jagħtu l-profil tal-kor, il-livell ta’ formazzjoni tal-membri u xi recording ta’ xi ċelebrazzjonijiet liturġiċi riċenti li ħadu sehem fihom.
- Id-dokumentazzjoni għandha tasal fl-indirizz indikat sa nhar it-Tnejn, 7 ta’ Diċembru, 2009: Kumitat Organizzattiv Żjara tal-Papa, Kurja tal-Arċisqof, Floriana.
- F’kaz ta’ xi diffikulta wieħed jista’ jibgħat e-mail f’dan l-indirizz: [email protected]
- Id-dokumentazzjoni kollha terġa’ tiġi rritornata wara li ssir l-għażla finali.
- Id-deċizjoni finali tittieħed mill-Kumitat Organizzattiv b’kollaborazzjoni stretta mal-Uffiċċju taċ-Ċelebrazzjonijiet Liturġiċi tal-Qdusija Tiegħu l-Papa.
- Id-deċizjoni tal-Kumitat hi finali.
- L-istess surmast ma jistax jingħata ż-żewġ servizzi.