• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Knisja Parrokkjali ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi

    14 ta’ Lulju 2018

    Fil-qari li għadna kemm smajna llum waqt li nibdew s-solennità ta’ San Sebastjan, il-kelma biża’ dehret u smajnieha kemm-il darba. Fl-Ewwel Qari smajna ħsieb sabiħ għal dawk li jibżgħu mill-Mulej. Fl-Evanġelju, Ġesù lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern” (Mt 10:28). U qed jgħallimna wieħed mid-doni kbar tal-Ispirtu s-Santu: il-biża’ ta’ Alla.

    Meta fi żmieni kienet tgħallimni Virginia fi Triq San Dwardu, kienet tgħidilna: ‘Liema huma s-seba’ doni tal-Ispirtu s-Santu?’ Dak iż-żmien konna nitgħallmuhom bl-amment u allaħares ma titgħallimhomx bl-amment taħt Virginia għax tgħallimhomlok. Wieħed minnhom kien il-biża’ tal-Mulej, imma dan l-imbierek biża’ tal-Mulej x’inhu? Jien nitfakar li l-griżma kont għamiltha fil-kripta u kien ġie Mons. Gonzi. Dak iż-żmien, fl-1968, il-kappillan kien Dun Ġużepp Cauchi, u qalilna biex noqgħodu għarrkubbtejna fuq il-bank biex imbagħad l-Isqof jiġi u jagħtik daqqa ta’ ħarta. In-nannu Ġużeppi kien warajja b’idu fuq spallti u jiena dakinhar, hawnhekk f’din il-parroċċa għażiża, ingħatali d-don tal-Ispirtu s-Santu li huwa wkoll il-biża’ tal-Mulej.

    Alla jistħoqqlu l-ewwel post. 

    Imma x’inhu dan il-biża’ tal-Mulej? Mhux li titwerwer minnu. Ħa ngħidilkom sigriet, ovvjament mhux ser jibqa’ bejnietna, imma Virginia kienet turina ħafna films li kienu jbeżżgħuna b’ħafna sriep kbar u kienet tbeżżagħna, u verament iddaħħalna ġo qoxritna. Imma l-biża’ ta’ Alla mhuwiex li inti titwerwer minnu, imma li inti tistmah ta’ li hu. Il-biża’ ta’ Alla jgħallmlek tistma lil Alla ta’ Alla li hu. U Alla x’jistħoqqlu? Alla jistħoqqlu l-ewwel post.   

    Aħna qegħdin nagħmlu festa kbira u ndoqqu l-banda u nisparaw il-murtali u żejjinna t-toroq tagħna b’armar sabiħ. Jiena nixtieq nirringrazzja lil kull min ħa sehem biex il-festa tiġi flimkien għax il-festa jagħmluha ħafna nies. U kulħadd huwa importanti. Il-festa jagħmluha ħafna nies u lkoll flimkien naħdmu biex ikollna festa sabiħa.     

    Imma għaliex qegħdin nagħmlu din il-festa sabiħa? Għaliex tant nies ilhom ġimgħat jarmaw u jaslu d-dar fit-tard bil-lejl u l-mara tgħidlu: ‘Fejn kont?’ ‘Ma tafx fejn kont? Mhux narmaw! Jew l-kamra tan-nar!’ U tant sagrifiċċji li jsiru, tant ġbir li jsir, u dak li jkun jieħu pjaċir jagħti għax tagħti ewro u tarah. Għaliex? Għaliex dan ir-raġel qaddis li għex fit-tielet seklu u miet fis-sena 288, ma beżgħax mill-bnedmin; wera li għalih Alla jiġi l-ewwel post. U bl-imħabba tiegħu lejn Alla, San Sebastjan ħeġġeġ anke lil ħadieħor biex jgħaraf lil Ġesù bħala s-Salvatur tiegħu.    

    Għal Sebastjan li jkun Kristjan kienet l-iżjed ħaġa importanti.  

    Mhux ta b’xejn il-kundanna tiegħu hija l-glorja tiegħu. Quddiem il-bnedmin il-kundanna tiegħu kienet: Sebastianus Christianus. Għaliex meta taħt l-Imperu Ruman kienu jikkundannak għall-mewt, fuq it-tabella kienu jiktbu u jgħidulu it-titulus. Dan bħalma lil Ġesù kitbulu Iesus Nazarenus Rex Iudaeorum (INRI), Ġesù Nazzarenu Sultan tal-Lhud. Dak kien it-titulus ta’ Ġesù. In-Nisrani Sebastjan kellu t-titulus tiegħu li qiegħed imnaqqax ukoll madwar il-knisja: Sebastianus Christianus, Sebastjan li huwa ta’ Kristu, li huwa Nisrani, li huwa Kristjan. U għal Sebastjan li jkun Kristjan kienet l-iżjed ħaġa importanti.  

    Kien parti mill-gwardja pretorjali, kien suldat stmat. San Ambroġ jgħidilna li ħalla l-Milan u mar Ruma fejn il-persekuzzjoni kienet għadha qalila. Bl-eżempju tiegħu ta’ żagħżugħ fidil u leali, ħeġġeġ lill-Insara dgħajfin fil-fidi tagħhom. U  bħalma nkantaw fl-innu: “Hemm fil-ħabs minn ta’ Nikostratu, ta’Alla l-kelma ppridkajt”.

    Sebastjan kien ukoll interċessur. Il-Knisja ta’ Ruma lil San Sebastjan tivvenerah bħala wieħed mill-interċessuri, wieħed mill-qaddisin li jidħlu quddiem Alla għall-komunità. Wara kollox, il-parroċċa tagħna taf l-oriġini tagħha lill-esperjenza qawwija li l-Qriema għamlu ta’ kemm hu qawwi t-talb ta’ San Sebastjan, b’mod speċjali fil-mumenti tant koroh tal-pesta li kienu jippjagaw ir-raħal għax hu qrib il-port minn fejn kien jiġi ħafna mard. U l-Qriema tgħallmu jitolbu lil San Sebastjan għall-protezzjoni.    

    Imma aħna llum rridu nilqgħu l-kelma ta’ Ġesù u nilqgħu wkoll il-barka li l-Mulej jagħti lil min jibża’ minnu, mhux jitwerwer minnu imma jistmah ta’ Alla li hu. Mela jekk il-bniedem jitlob xi ħaġa li hija kontra l-Liġi ta’ Alla, li hija kontra r-rieda ta’ Alla, l-għażla għandha tkun ċara, inkella għad baqagħlu x’jitgħallem fl-imitazzjoni ta’ San Sebastjan. La San Sebastjan jinterċedi għalija, quddiem l-għażliet li jkolli ser nagħżel dejjem ir-rieda tal-Mulej.    

    Lil San Sebastjan nitolbuh għal tant ħutna li meta jiġu biex jagħżlu jikkonfondu, jew jingannawhom il-flus, jew il-kilba għall-poter, jew il-pjaċiri tad-dinja, jew it-tentazzjonijiet tal-vizzji. Ħa nieħdu ż-żgħażagħ u nitolbu għalihom meta huma ttentati fil-vizzju tad-droga li jġib tant hemm fil-familji tagħna. Anke fir-raħal tagħna hawn min huwa vittma tal-logħob tal-azzard u minħabba f’hekk daħal fil-morsa tal-użura. Nitolbu l-interċessjoni ta’ San Sebastjan biex bħalma ħeles lir-raħal fis-sekli li għaddew, ikompli wkoll ikun verament patrun u difensur tagħna.

    Jiena nawgura lill-familji kollha, lil dawk kollha li ħadmu għal festa sabiħa, festa mimlija grazzja, festa fejn aħna nifirħu u nħallu ’l min jifraħ mingħajr ma ninku lil ħadd, għax m’għandniex għalfejn. Aħna nifirħu b’San Sebastjan u kulħadd jifraħ b’tiegħu. Imma minn qalbna llum, u bir-raġun, toħroġ l-għajta: Viva San Sebastjan!

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

     

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Sir 2,7-13
    Salm: 33, 2-9
    Qari II: 1 Piet 3: 14-17
    Evanġelju: Mt 10, 28-33

     

  •  

  • Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti