L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Huma riedu kieku jaqbduh taħt idejhom” (Mk 12:12). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju skont San Mark fuq ir-reazzjoni tal-qassisin, tal-kittieba u tax-xjuħ tal-poplu għal din il-parabbola li jgħid Ġesù. Hawnhekk Ġesù jgħid parabbola li tfisser, fi ftit kliem, l-Istorja tas-Salvazzjoni – kif Alla bagħat lill-poplu tiegħu diversi nies, il-profeti, imma ħafna minnhom kienu rifjutati mill-poplu. Imbagħad, jgħid Ġesù meta jitkellem fuq is-sid tal-għalqa, fl-aħħar bagħat lil ibnu, imma lil ibnu qatluh u xeħtuh “barra mill-għalqa” (Mk 12:8).
Ġesù hawnhekk ma kienx qiegħed jgħid biss x’ġara fl-Istorja tas-Salvazzjoni, imma wkoll iħabbar x’se jiġri. Fil-fatt, għalhekk din ir-reazzjoni tal-qassisin, tal-kittieba u tax-xjuħ tal-
poplu, għax fehmu x’qed jgħid Ġesù. Huma fehmu li kien qed jitkellem fuq dak li sar, imma wkoll fuqu nnifsu. Interessanti kif ir-reazzjoni tagħhom kienet konferma ta’ dak li kien qed jgħid Ġesù. Ġesù kien qed iħabbar x’se jagħmlu, kif hu, l-Iben, se joqtluh, u hawn ir-reazzjoni tagħhom kienet li xtaqu jaqbduh taħt idejhom. Dak il-ħin ma setgħux minħabba n-nies, imma ’l quddiem hekk għamlu – daru kontrieh u qatluh.
Dil-parabbola għandha ħafna x’tgħid lilna għall-ħajja tagħna. Filwaqt li niftakru fl-Istorja tas-Salvazzjoni u f’dak li Ġesù irid juri lilna, ħaġa li tolqotna żgur hi kif hemm dejjem din l-istedina min-naħa ta’ Alla u jiddependi minna nilqgħuhx jew nirrifjutawhx. Hemm għamlu n-nies lill-qaddejja li bagħat sid il-għalqa – daru kontrihom. Aħna għandna dejjem din l-għażla. Alla jibgħat nies fil-ħajja tagħna biex iwassal dan il-messaġġ tiegħu. Minna jiddependi jekk aħna naċċettawhomx jew nirrifjutawhomx. Hi dejjem responsabbiltà tagħna li fl-aħħar mill-aħħar ikollha effett, imbagħad, fuq il-ħajja tagħna. Meta Ġesù jitkellem waqt li jikkwota s-salm “il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka” (Mk 12:10), qed jgħid li fl-aħħar mill-aħħar aħna mmorru minn taħt meta nirrifjutawh, bħalma f’dal-każ il-bennejja li warrbu l-ġebla tax-xewka, huma marru minn taħt. Għalhekk jiddependi ħafna minna u hi responsabbiltà tagħna li naċċettaw lil Alla u lill-persuni li hu jibgħat f’ħajjitna.
Hemm messaġġ ieħor sabiħ f’din il-parabbola meta niftakru li dan is-sid tal-għalqa qabbel l-għalqa lil xi bdiewa. Fdahom bħala amministraturi, biex jamministraw l-għalqa ħalli tagħmel il-frott. Imma huma, qed jgħid Ġesù, flok ma għarfu li huma amministraturi, riedu jiggwadanjaw huma. Riedu jużaw il-ħidma tagħhom biex imorru minn fuq huma. Fl-aħħar mill-aħħar, riedu jaħtfu l-għalqa għalihom. Hemm tagħmel il-kilba – il-kilba għall-ġid, il-kilba biex taħtaf taħt idejk. Tispiċċa biex twassal għal kull xorta ta’ ħażen, kif naqraw f’din il-parabbola stess. Il-messaġġ għalina hu importanti: noqogħdu attenti, fil-ħajja tagħna, mill-kilba biex naħtfu dak li suppost namministraw.
Jgħodd ħafna dan il-messaġġ għall-ħolqien li Alla fdalna f’idejna. Alla fdahulna biex nieħdu ħsiebu. Imma jekk aħna, flok nieħdu ħsiebu, neqirduh, neqirdu l-ambjent ta’ madwarna, flok amministraturi tajbin li ngħinu biex jagħmel il-frott, inkunu qed neqirdu dak li Alla fdalna f’idejna. Għall-egoiżmu ta’ ftit, jispiċċaw ibatu l-ħafna. Għalhekk tajjeb li nifhmu li l-ħolqien Alla fdahulna biex nieħdu ħsiebu mhux biex neqirduh, u aħna li mmorru minn taħt, aħna u l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, jekk aħna neqirdu dak li Alla fdalna biex nieħdu ħsiebu.
Nitolbu lill-Mulej li aħna jkollna qalbna miftuħa għalih u għal dawk li hu jibgħat biex lilna jmexxuna fit-triq it-tajba. Nitolbuh ukoll biex nagħrfu ngħixu bħala amministraturi tal-ġid li hu tana biex dan il-ġid namministrawh tajjeb ħalli jagħmel il-frott għall-glorja tiegħu u għall-ġid tal-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju