Għeżież nanniet!
“Jien magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien” (cfr Mt 28,20) hi l-wegħda li għamel il-Mulej lid-dixxipli qabel ma tela’ s-sema u li llum itennieha lilek, għażiż nannu, għażiża nanna. Lilek. “Jien magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien” huwa wkoll kliem li bħala Isqof ta’ Ruma u anzjan bħalek nixtieq ngħidlek fl-okkażjoni ta’ dan l-Ewwel Jum Dinji tan-Nanniet u l-Anzjani: il-Knisja kollha hi qribek – biex ngħiduha aħjar, tinsab qribna; tieħu ħsiebek, tixtieqlek il-ġid u ma tridx tħallik waħdek!
Naf tajjeb li dal-messaġġ qed jasallek fi żmien diffiċli: il-pandemija kienet tempesta mhux mistennija u qalila, prova iebsa li filġet il-ħajja ta’ kulħadd, iżda li lilna l-anzjani laqtitna b’mod speċjali, għalina kienet ferm agħar. Bosta minna mardu, u ħafna ħallewna jew raw tintefa l-ħajja ta’ marthom, żwieġhom jew tal-għeżież tagħhom, għadd kbir kellhom jibqgħu fis-solitudni għal tul ta’ żmien, iżolati.
Il-Mulej jaf kull waħda mit-tbatijiet tagħna f’daż-żmien. Hu jinsab qrib kull min għaddej mill-esperjenza tan-niket li sab ruħu mwarrab; Hu mhux indifferenti għas-solitudni tagħna – aktar iebsa minħabba l-pandemija. Tradizzjoni tgħid li l-komunità kienet warrbet ukoll lil San Ġwakkin, in-nannu ta’ Ġesù, għax kien bla ulied; ħajtu – bħalma kienet dik ta’ martu Anna – kienet meqjusa li ma tiswa għal xejn. Imma l-Mulej bagħtlu anġlu biex ifarrġu. Filwaqt li, imnikket, kien jibqa’ barra l-bibien tal-belt, deherlu mibgħut mill-Mulej biex jgħidlu: “Ġwakkin, Ġwakkin! Il-Mulej sama’ t-talba insistenti tiegħek. (1), F’wieħed mill-affreski famużi tiegħu, Giotto donnu jpinġi dix-xena fil-ħin tal-lejl, wieħed minn dawk l-iljieli miżgħudin bit-tifkiriet, tħassib u xewqat li aħnalkoll imdorrijin bihom.
Imma wkoll meta kollox jidher mudlam, kif ġara f’dawn il-jiem tal-pandemija, il-Mulej ikompli jibgħat l-anġli biex ifarrġu s-solitudni tagħna u jtennulna: “Jien miegħek dejjem sal-aħħar taż-żmien”. Jgħidha lilek, jgħidha lili, lil kulħadd. Dan hu s-sens ta’ dal-Jum Dinji li jien ridt li jkun iċċelebrat għall-ewwel darba din is-sena, wara iżolament twil meta l-ħajja rieġa’ lura għan-normal bil-pass ta’ nemla; jalla kull nannu,kull anzjan, kull nanna, kull anzjana – speċjalment dawk fostna li l-aktar jinsabu waħedhom – jirċievu ż-żjara ta’ xi anġlu!
Xi drabi dawn ikollhom il-wiċċ ta’ xi neputi, oħrajn ta’xi ħadd mill-familja, tal-ħbieb antiki jew ta’ dawk li sirna nafuhom propju f’dan iż-żmien diffiċli. F’dan iż-żmien tgħallimna nifhmu kemm huma importanti għal kull wieħed u waħda minna t-tgħannieq u ż-żjarat, u kemm inikkitni l-fatt li f’xi postijiet dan għadu mhux possibbli!
Iżda l-Mulej jibgħatilna l-messaġġiera tiegħu anki permezz tal-Kelma t’Alla għax Hu qatt ma jħallina neqsin minnha tul ħajjitna. Naqraw paġna mill-Evanġelju kuljum, nitolbu bis-Salmi, naqraw il-Profeti! Nibqgħu mqanqlin meta naraw kemm hu fidil il-Mulej. L-Iskrittura tgħinna nifhmu dak li l-Mulej irid minn ħajjitna llum. Infatti, Hu jibgħat il-ħaddiema tiegħu fl-għalqa tad-dwieli, f’kull ħin tal-ġurnata (cfr Mt 20, 1-16), f’kull staġun tal-ħajja. Jien stess nista’ nixhed li rċevejt is-sejħa biex inkun Isqof ta’ Ruma meta wasalt, biex ngħid hekk, fl-età tal-pensjoni u diġà kont qed nimmaġina li qajla stajt nagħmel xi ħaġa ġdida. Il-Mulej dejjem qrib tagħna, dejjem, bi stediniet ġodda, bi kliem ġdid, bil-faraġ tiegħu, imma dejjem qribna. Intom tafu li l-Mulej huwa etern u qatt ma jirtira bil-pensjoni, qatt.
Fl-Evanġelju ta’ Mattew, lill-Appostli Ġesù jgħidilhom: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien” (28,19-20). Illum dal-kliem qed jgħidu lilna wkoll biex jgħinuna nifhmu aħjar li l-vokazzjoni tagħna hi li nħarsu l-għeruq, ngħaddu l-fidi liż-żgħażagħ u nieħdu ħsieb iż-żgħar. Isimgħu sewwa: liema hi l-vokazzjoni tagħna llum, fl-età tagħna? Li nħarsu l-għeruq, ngħaddu l-fidi liż-żgħażagħ u nieħdu ħsieb iċ-ċkejknin. Tinsewhiex din.
Mhux importanti kemm għandek żmien, jekk għadekx taħdem jew le, jekk bqajtx waħdek jew għandek familja, jekk sirtx nannu, nanna meta kont għadek żgħir jew inkella meta kont mgħobbi b’aktar żmien, jekk għadekx awtonomu jew għandek bżonn min jgħinek, għax id-dmir li tħabbar l-Evanġelju, id-dmir li tittrasżetti t-tradizzjonijiet lin-neputijiet, jibqa’ dejjem, mhux marbut mal-età tal-pensjoni. Hemm bżonn nimxu u, fuq kollox, li noħorġu minna nfusna biex nibdew nagħmlu xi ħaġa ġdida.
Għalhekk hemm vokazzjoni mġedda għalik ukoll f’dal-waqt kruċjali tal-istorja. Tistaqsi lilek innifsek: imma kif inhu possibbli? L-enerġija qed tmajna u nemmen li ma nistax nagħmel wisq. Kif nista’ nibda nġib ruħi b’mod differenti meta d-drawwa saret ir-regola tal-eżistenza tiegħi? Kif nista’ niddedika ruħi għal min hu fqir meta jien diġà mgħobbi b’tant ħsibijiet minħabba l-familja? Kif nista’ nifrex aktar ħarsti jekk lanqas biss nista’ noħroġ mir-residenza li jien rikoverat/a fiha? Is-solitudni tiegħi mhix ġebla tat-tħin tqila biżżejjed? Kemm minnkom jagħmlu dil-mistoqsija: il-ġebla tat-tħin tas-solitudni mhix tqila biżżejjed? Ġesù nnifsu sama’ mistoqsija bħal din meta Nikodemu staqsih: “Kif wieħed jista’ jitwieled wara li jkun xjieħ?” (Ġw 3,4). Il-Mulej iwieġeb li dan jista’ jsir jekk niftħu qlubna għall-opra tal-Ispirtu s-Santu li jonfoħ fejn jidhirlu. B’dik il-libertà li għandu, l-Ispirtu s-Santu jmur fejn irid u jagħmel dak li jrid.
Kif għidt bosta drabi, mill-kriżi li tinsab fiha d-dinja ma nistgħux noħorġu l-istess bħal qabel: se noħorġu minnha aħjar jew agħar. U jalla ma tkunx ġrajja oħra storika gravi bħal dawk ta’ qabilha li minnha ma konniex kapaċi nitgħallmu – aħna rjus iebsa! -. Jalla ma ninsewx lill-anzjani li mietu minħabba nuqqas ta’ ventilaturi, (…). Jalla tbatija hekk kbira ma tkunx ġiet għalxejn, imma nagħmlu qabża lejn mod ġdid ta’ kif ngħixu u niskopru darba għal dejjem li għandna bżonn u aħna midjunin lejn xulxin, biex l-umanità titwieled mill-ġdid” (Enċ. Fratelli tutti, 35). Ħadd ma jsalva waħdu. Aħna midjunin ma’ xulxin. Ilkoll aħwa.
F’dil-perspettiva nixtieq ngħidlek li hemm bżonnok għall-bini tal-fraternità u l-ħbiberija soċjali, id-dinja ta’ għada: dik li se ngħixu fiha aħna flimkien ma wliedna u n-neputijiet – meta t-tempesta tkun battiet. Ilkoll “Għandna nkunu parti attiva fir-riabilitazzjoni u fit-tweżin tas-soċjetajiet midruba” (ibid., 77). Fost il-pilastri li għandhom isostnu dal-bini ġdid hemm tlieta li bihom inti tista’ twieżen u tqiegħed l-affarijiet f’posthom, aħjar minn ħaddieħor. Il-qrubija tal-Mulej tagħti l-qawwa biex titnieda mixja ġdida anki fost l-aktar fraġli fostna, permezz tat-toroq tal-ħolm, tal-memorja u tat-talb.
Darba waħda l-Profeta Ġoel kien għamel din il-wegħda: “ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm, iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet” (3,1). Il-ġejjieni tad-dinja jinsab f’din l-alleanza bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani. Min, jekk mhux iż-żgħażagħ jista’ jagħmel tiegħu il-ħolm tal-anzjani u jiżviluppah? Iżda biex dan isir jeħtieġ inkomplu noħolmu: fil-ħolm tagħna tal-ġustizzja, tal-paċi, tas-solidarjetà hemm il-possibbiltà li ż-żgħażagħ tagħna jkollhom viżjonijiet ġodda, u hekk flimkien jissawwar il-ġejjieni. Jeħtiġ li inti wkoll tagħti xhieda li huwa possibbli noħorġu minn esperjenza ta’ prova mġeddin. U jien ċert li ma tkunx l-unika, għax matul ħajtek żgur li kellek bosta ċirkostanzi li rnexxilek toħroġ minnhom. Tgħallem minn dik l-esperjenza biex toħroġ mis-sitwazzjoni issa wkoll.
Għalhekk il-ħolm jintiseġ mal-memorja. Qed naħseb dwar kemm hi prezzjuża l-memorja tal-gwerra u kemm il-ġenerazzjonijiet il-ġodda jistgħu jitgħallmu minnha biex japprezzaw il-valur tal-paċi. Huwa int li tista’ tittrażmetti dan, int li għext it-tbatija tal-gwerra.
Il-fakra hi missjoni vera u propja ta’ kull anzjan: il-memorja, u li dil-memorja jgħaddieha lill-oħrajn. Edith Bruck, li ħeslitha ħafif mid-dramm tax-Shoah qalet, illi “anki jekk iddawwal kuxjenza waħda, dejjem hu ta’ min jitħabat u jbati biex iżomm ħajja l-memorja ta’ dak li għadda – u tkompli – għalija l-memorja hi għejxien” (3). Niftakar ukoll fin-nanniet tiegħi u f’dawk il-ħafna minnkom li kellhom jemigraw u jafu kemm hu ta’ tbatija tħalli darek, kif qed jagħmlu bosta llum biex ifittxu futur aħjar. Forsi xi wħud minnhom jinsabu maġenbna u qed jieħdu ħsiebna. Din il-memorja tgħin biex tinbena dinja aktar umana, aktar akkoljenti. Iżda l-bini ma jitlax jekk il-memorja tiġi nieqsa; mingħajr pedamenti int qatt ma tista’ tibni dar. Qatt. U l-pedament tal-ħajja huwa l-memorja.
Fl-aħħar it-talb. Kif qal darba l-predeċessur tiegħi, il-Papa Benedittu XVI, qaddis anzjan li għadu jitlob u jaħdem għall-Knisja. Kien qal hekk: “It-talb tal-anzjani jista’ jipproteġi d-dinja, u jgħin forsi b’mod aktar inċisiv, aktar mit-taħbit tal-ħafna” (4). Dan qalu kważi fi tmiem il-pontifikat tiegħu, fl-2012. Sabiħ. It-talb tiegħek hu riżorsa mill-aktar prezzjuża: huwa pulmun li la l-Knisja u lanqas id-dinja ma jistgħu jgħaddu mingħajru (cfr Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 262). Aktar u aktar f’dan iż-żmien diffiċli għall-umanità, li għaddejjin minnu, ilkoll fuq l-istess dagħjsa, il-baħar imqalleb tal-pandemija, l-interċessjoni tiegħek għad-dinja u għall-Knisja qatt m’hi fiergħa, imma turi lil kulħadd il-fiduċja hienja tal-port fejn irridu naslu.
Għażiża nanna, għażiż nannu biex intemm dal-messaġġ tiegħi nixtieq insemmilek l-eżempju tal-Beatu – li dalwaqt isir qaddis – Charles de Foucauld. Hu għex ta’ eremita fl-Alġerija u “f’dan il-kuntest esprima x-xenqa tiegħu li f’kull bniedem jara lil ħuh” (Enċ. Fratelli tutti, 287). Il-ġrajja tiegħu turi kemm hi possibbli, minkejja s-solitudni tad-deżert personali, l-interċessjoni favur il-foqra tad-dinja kollha u li wieħed isir verament ‘ħu jew oħt’ universali.
Nitlob lill-Mulej li wkoll bis-saħħa tal-eżempju tiegħu, kull wieħed u waħda minna niftħu qlubna u nagħmluha sensibbli għat-tbatijiet ta’ kulmin hu l-aħħar, u jkollhom il-ħila li jiterċedu għalihom. Jalla kull wieħed u waħda minna nitgħallmu ntennu lil kulħadd, u partikolarment liż-żgħar u ż-żgħażagħ, dak il-kliem ta’ faraġ li llum smajnih indirizzat lilna: “Jien magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien”. Agħmlu l-kuraġġ! Il-Mulej iberikkom.
Ruma,San Giovanni in Laterano,1 ta’ Mejju, festa taż-Żjara tal-B.V. Marija.
FRANĠISKU