IEC 2012 logo

i ftuħ il-50 edizzjoni tal-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali, din id-darba f’Dublin fl-Irlanda, l-Arċisqof Diarmuid Martin ta’ Dublin qal li “l-Knisja fl-Irlanda hi Knisja fit-triq tat-tiġdid”.

Kien messaġġ ċar li Mons Martin wassal lill-erba’ provinċji ekkleżjastiċi Irlandiżi u lil eluf ta’ pellegrini maqgħuda flimkien għal dan il-Kungress Internazzjonali. Bnadar li jirrappreżentaw pajjiżi differenti ittajru hekk kif kienet għaddejja purċissjoni bil-Kelma t’Alla bis-sehem ta’ 40 Kardinal, madwar 200 Isqof u saċerdoti fi ftuħ l-ewwel ċelebrazzjoni ewkaristika tal-Kungress li se jikkaratterizza din il-ġimgħa kollha.

Iċ-ċerimonji bdew bil-kxif ta’ dik li ssejħet ‘Healing Stone’ n-naħa t’isfel tal-altar. Fuq il-granit tagħha kienet imnaqqxa talba miktuba minn persuna li sofriet abbuż minn membri tal-kleru. L-Arċisqof Martin, waqt li nqrat it-talba, segwita minn applaws qawwi, fakkar b’sens ta’ ndiema u dispjaċir f’dawk kollha li sofrew u għadhom muġugħin mill-abbuż, liema uġigħ jibqgħu iġorruh tul ħajjithom kollha.

Il-quddiesa kienet ippreseduta mir-rappreżentant nominat tal-Papa Benedittu XVI għal dan il-Kungress, il-Kardinal Marc Ouellet. Fl-omelija huwa rrifletta dwar ‘is-sofferenzi’ u l-‘isfidi serji għall-fidi’ fi ħdan il-Knisja Irlandiża. Huwa ndirizza wkoll lil dawk kollha li jħossuhom emarġinati jew ‘il bogħod mill-Knisja u qal li s-salvazzjoni u l-grazzja t’Alla hi offruta lil kulħadd.

Ma naqasx lanqas milli jaċċenna għall-importanza tar-rigal tal-ewkaristija u fisser li Alla jixraqlu ħafna iżjed qima u gratitudni għal dan ir-rigal ta’ mħabba.

Esprima wkoll radd ta’ ħajr għall-opportunita ta’ dan il-Kungress.