Fis-sena skolastika li tibda f’Settembru li ġej, in-numru ta’ postijiet fl-Iskejjel tal-Knisja għall-‘Applikanti Oħra’ huwa ta’ 730. L‑applikazzjonijiet għal dawn il-postijiet vakanti qed jintlaqgħu online sal-14 ta’ Frar, u f’ċentri speċifiċi bejn it-3 u l-5 ta’ Frar. Aktar informazzjoni tinkiseb mir-Regolamenti għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja.

Dawn l-applikazzjonijiet qed jintlaqgħu wara li f’Novembru li għadda ġew ippublikati r-regolamenti u wara li ntlaqgħu l-applikazzjonijiet tal-ewwel kriterju. Dawn jinkludu tfal mid-djar tal-Knisja, dawk li għandhom ħuthom fi skola tal-Knisja, tfal tal-impjegati tal-iskejjel tal-Knisja, u studenti minn skola tal-Knisja bla kontinwità. In-numru ta’ applikazzjonijiet kien ta’ 798. Għalhekk, minn total ta’ 1,528  post vakanti għas-sena skolastika 2020-2021, issa baqa’ 730 post għall-‘Applikani Oħra’.

Sena Postijiet Vakanti
Subien  
Postijiet Vakanti
Bniet
Total Postijiet
Vakanti
L‑ewwel sena kindergarten 18 28 46
It‑tieni sena kindergarten 73 236 309
L‑ewwel sena primarja 134 116 250
L‑ewwel sena sekondarja 85 40 125
TOTAL 310 420 730

Għall-ewwel sena kindergarten intlaqgħu 45 applikazzjoni għas-subien u 41 applikazzjoni għall-bniet. Għalhekk, minn total ta’ 63 post għas-subien baqa’ 18-il post vakanti, u minn total ta’ 69 post għall-bniet baqa’ 28 post vakanti.

Għat-tieni sena kindergarten intlaqgħu 41 applikazzjoni għas-subien u 113-il post għall-bniet. Għalhekk, minn total ta’ 114-il post għas-subien baqa’ 73 post vakanti, u minn total ta’ 349 għall-bniet baqa’ 236 post vakanti.

Għall-ewwel sena primarja ntlaqgħu 231 applikazzjoni għas-subien u 128 applikazzjoni għall-bniet. Għalhekk, minn total ta’ 365 post għas-subien baqa’ 134 post vakanti, u minn total ta’ 244 post għall-bniet baqa’ 116 il-post.

Għall-ewwel sena sekondarja ntlaqgħu 170 għas-subien u 29 applikazzjoni għall-bniet. Għalhekk, minn total ta’ 255 post għas-subien baqa’ 85 post vakanti, u minn 69 post għall-bniet baqa’ 40 post vakanti.

Il-Kulleġġ ta’ San Albert il-Kbir ser jiftaħ Kindergarten fil-Fgura. Din ser tilqa’ 24 student fl-ewwel sena kindergarten u 24 student fit-tieni sena kindergarten. Fil‑ġranet li ġejjin ser jintlaqgħu l-applikazzjonijiet tat-tfal tal-impjegati u tal-aħwa tal‑Kulleġġ San Albert. Il-postijiet vakanti li jibqa’ jiżdiedu ma’ dawk li qed jitħabbru llum.

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija jixtieq javża wkoll li hemm il-possibilità li tinfetaħ ukoll kindergarten tal-iskola St Francis f’Santa Luċija, flok il-kindergarten tal-istess skola f’Ħal Luqa u s-Siġġiewi. F’dak il-każ, il-postijiet offruti fl-iskejjel ta’ St Francis f’Ħal Luqa u s-Siġġiewi jiġu offruti f’Santa Luċija.

Il‑proċess għad‑dħul fl‑Iskejjel tal‑Knisja jiddetermina d‑dħul fl‑ewwel u t‑tieni sena kindergarten, fl‑ewwel sena primarja u fl‑ewwel sena sekondarja. Lista tad‑dokumenti meħtieġa, il‑ġranet meta wieħed għandu japplika u aktar dettalji jinsabu hawn.