Cardinal Van Thuan

Il-Knisja fil-Vjetnam esprimiet it-tamiet tagħha li titħaffef il-kawża ta’ beatifikazzjoni tal-Kardinal Van Thuan. “L-Isqfijiet, dawk li jemmnu, il-Knisja kollha fil-Vjetnamm, għandhom ilkoll tama kbira fis-suċċess tal-proċess ta’ beatifikazzjoni tal-Kardinal Xavier Van Thuan. Kien persuna speċjali li għex il-Vanġelu bħala l-kriterju ewlieni ta’ ħajtu”, qal l-Isqof Paul Nguyen Thai Hop, Isqof Dumnikan ta’ Vinh u President tal-Kummissjoni Paċi u Ġustizzja fi ħdan il-Konferenza Episkopali Vjetnamiża. Huwa kien qed jitkellem mal-aġenzija Fides  lejliet il-wasla ta’ delegazzjoni tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi.

Id-delegazzjoni tal-Vatikan tasal il-Ġimgħa 23 ta’ Marzu u se tibqa’ l-Vjetnamm sad-9 t’April. Hija se tkun qed tiġbor xiehda fuq ix-xogħol u l-ħajja tal-Kardinal Van Thuan, li tista’ tgħin fil-kawża għall-beatifikazzjoni.

Fost dawk li se jkunu qed jagħtu t-testimonjanzi hemm isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi.

“Il-komunita Kattolika qed tistenna din iż-żjara storika b’emozzjoni u entużjażmu, bit-tama wkoll li l-bidla tkun il-karatteristika tal-kawża tal-beatifikazzjoni”.

L-isqof jirrakkonta kif jiftakar lill-kardinal: “Kont niltaqa’ miegħu meta kont professor tal-Angelicum f’Ruma. Meta wieħed jiftakar il-jiem koroh meta kien miżmum, hu ma kellu ebda mibgħeda imma għall-għedewwa u l-prosekuturi tiegħu kellu biss kliem ta’ mħabba”.

L-istħarriġ se jsir fil-postijiet fejn ħalla l-passi tiegħu l-Kardinal. L-aħħar pass ikun Hanoi fejn kien miżmum f’daru stess.

Il-kawża tal-beatifikazzjoni tiegħu nfetħet fit-22 ta’ Ottubru 2010 wara proposta mill-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, li tagħha l-Kardinal Van Thuan kien President.