Il-Kapitlu Provinċjali tal-patrijiet Karmelitani ltaqa’ nhar it-Tnejn 15 ta’ Novembru 2021, biex jaħtar il-Provinċjal, kif ukoll jagħmel evalwazzjoni tat-tliet snin li għaddew, u programmazzjoni tad-direzzjoni li jixtieq jieħu matul it-tliet snin li ġejjin. Il-Kapitlu qed jiltaqa’ taħt il-presidenza ta’ Patri Conrad Mutizamhepo, Delegat tal-Pirjol Ġenerali tal-Ordni P. Míċéal O’Neill, assistit minn Patri Richard Byrne, Kunsillier Ġenerali għall-Ewropa. Il-Kapitlu Provinċjali hu l-ogħla awtorità fost il-Karmelitani Maltin u jsir kull tliet snin.

F’dik li hi tmexxija l-Karmelitani ġeddew l-għażla tagħhom favur Patri Joseph Saliba bħala l-Provinċjal tagħhom għat-tieni mandat tiegħu. Miegħu ntagħżlu wkoll il-Kunsillieri tal-Provinċja Patri Maurice Abela, Patri Renald Lofreda, Patri Jurgen Cucciardi, u Fra Vincent Rotin. Patri Ivan Scicluna nħatar Segretarju Provinċjali.

Il-ħidma tal-Kapitlu bdiet sitt xhur ilu b’diversi laqgħat ta’ studju u animazzjoni minn kummissjoni ta’ tliet reliġjużi: Patri Anthony Cilia, Patri Ivan Scicluna, u Patri Kurt Mizzi, megħjuna minn Dun Fabio Attard SDB, Mons. Frans Abdilla, u Dr Ernest Azzopardi. Matul dawn l-aħħar xhur, flimkien mal-evalwazzjoni ta’ dak li qed jiġri fid-dinja, fil-Knisja Maltija, u fi ħdan il-Karmelitani, intagħżlu tliet temi prinċipali biex ikunu diskussi matul din il-ġimgħa:

  • ‘Il-ministeru vokazzjonali u l-ħidma maż-żgħażagħ’
  • ‘It-tiġdid tal-ħajja Karmelitana: il-ħajja fraterna, il-ħajja konventwali u komunitarja, il-ħajja komuni u l-ekonomija’
  • ‘Ir-ridimensjonament tal-preżenzi u l-ministeri tagħna’

L-Erbgħa 17 ta’ Novembru ġie ċċelebrat il-Kungress Annwali tat-Terz Ordni Karmelitan u wara d-Delegat tal-Pirjol Ġenerali tal-Ordni ltaqa’ mal-lajċi Karmelitani. Id-Delegat se jiltaqa’ ma’ diversi rappreżentanti li jaħdmu qrib il-Karmelitani Maltin, għada l-Ġimgħa 19 ta’ Novembru fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera fis-7pm, attività li twassal fi tmiemu l-Kapitlu Provinċjali għar-reliġjużi Karmelitani.

Bħar-reliġjużi kollha tal-Ewropa, ir-reliġjużi Karmelitani jinsabu għaddejjin minn żmien diffiċli, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ vokazzjonijiet ġodda. Għalhekk, flimkien mal-ħidma intensiva li qed jagħmlu matul din il-ġimgħa, tajjeb niftakru fihom fit-talb tagħna, ħalli bil-għajnuna tal-Madonna tal-Karmnu, isibu u jsegwu t-triq li minnha qed jitlobhom jgħaddu l-Ispirtu t’Alla.