L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu” (Mt 18:15). Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù lid-dixxipli tiegħu fl-Evanġelju llum, meta jitkellem fuq kif għandha tkun il-ħajja tal-komunità Nisranija. Id-diskors li qed jagħmel hawn hu proprju fuq kif l-Insara għandhom jgħixu fil-komunità.
Hawn jgħid kemm hu importanti li, fejn meħtieġ, tiġbed l-attenzjoni ta’ min ikun żbalja. Meta tagħmel hekk, tkun qed tgħin lill-persuna u lill-komunità. X’naraw f’dan il-kliem ta’ Ġesù “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu”?
Għajnuna lill-oħrajn
L-ewwel nett li aħna bħala komunità għandu jimpurtana minn xulxin. Meta ngħixu flimkien, fil-familja, fil-komunità, fis-soċjetà, għandna nippruvaw ngħinu lil xulxin anke b’korrezzjoni għax nixtiequ l-ġid lil xulxin.
Ġesù ma jgħidx: jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, affarih, biċċa tiegħu. Imma jgħid x’għandek tagħmel għax tqisu wieħed mill-komunità, bħal ħuk. Il-messaġġ li jagħti Ġesù hu li għandu jkollna f’qalbna lil xulxin u jkun jimpurtana mill-ġid ta’ xulxin. Mhux ma nagħtux każ, imma jimpurtana, u għalhekk ngħinu lil min ikun żbalja.
Ma niġġustifikawx il-ħażin
“Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu”. X’jurina aktar Ġesù? Jurina li hemm dak li hu tajjeb u hemm dak li hu ħażin. Hemm bżonn dejjem aktar nisimgħu l-kelma ta’ Alla, u għandna bżonn l-għerf tiegħu, biex nagħrfu niddistingwu t-tajjeb mill-ħażin. It-tajjeb insejħulu b’ismu, u l-ħażin insejħulu b’ismu wkoll.
Hemm kultant il-mentalità li dak li hu ħażin hu ħażin jekk ma jogħġbokx, imma hu tajjeb jekk jogħġbok. Hawn min jgħid: int għandek il-valuri tiegħek u żommhom, u jien għandi l-valuri tiegħi u nżommhom. Dan ir-raġunament joħloq konfużjoni. Ifisser, per eżempju, li jekk taf li ħuk qed jisraq il-flus, flok tgħidlu li qed jagħmel ħażin, tgħid: forsi l-valuri tiegħu jgħidulu biex jisraq! Mhux hekk irid minna Ġesù, imma jrid li l-ħażin ma niskużawhx, u b’ebda mod ma niġġustifikawh.
Fil-kwiet u waħdu l-ewwel
X’jurina aktar Ġesù? Hawn Ġesù jitkellem fuq kif għandha tkun l-attitudni tagħna lejn min jiżbalja. Jgħid: “Mur sibu waħdu.” Mela mhux qed jgħid: iksru quddiem in-nies. Mhux qed jgħid: insultentah quddiem l-oħrajn, jew għajru. Lanqas qed jgħid: jekk taf li ħuk waqa’ f’xi dnub, mur minn wara dahru u għid kontrieh. Imma qed jgħid: “mur sibu waħdu u widdbu”.
Din hija t-triq diffiċli, imma din hija t-triq li verament tgħin lill-persuna u tibni l-komunità. Hu importanti li jkollna l-kuraġġ biex jekk naraw xi ħaġa ħażina, nitkellmuha mal-persuna bil-kwiet u fis-skiet, b’mod li nixtiequ l-ġid tal-persuna. Ġesù jgħid f’dal-każ “tkun irbaħt lura lil ħuk” (Mt 18:15). Dak hu l-ħsieb kollu: dak li tagħmel qed tagħmlu għall-ġid tiegħu jew tagħha.
Bl-imħabba u b’rispett lejn il-libertà
Jekk bniedem, meta tkellmu, ma jismax minnek, x’tagħmel? Ġesù fl-Evanġelju jispjega x’għandek tagħmel biex tipprova tipperswadih ħalli ma jibqax fit-triq ħażina. Fil-kliem ta’ Ġesù naraw kemm hu importanti li kollox isir bl-imħabba u b’rispett lejn il-libertà tal-persuna.
X’jiġifieri? Smajna fl-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani: “l-imħabba ma tagħmilx deni lilll-proxxmu” (Rum 13:10) u li kollox jinġabar fil-kmandament tal-imħabba. Jekk se tgħid lil xi ħadd li qed jagħmel xi ħaġa ħażina, għidha bl-imħabba, għax trid il-ġid tal-persuna. Hija dejjem l-imħabba li għandha tmexxina.
U jekk il-persuna ma tagħtix każ? Ġesù jgħid fl-aħħar: “żommu b’wieħed pagan jew pubblikan” (Mt 18:17). X’ifisser dan? Ma jfissirx li tobogħdu, li tiġġieled miegħu. Ifisser li tirrispetta l-libertà tal-persuna, għax fl-aħħar mill-aħħar hi r-responsabbiltà tagħha. Hu dan li jsemmi wkoll l-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel, meta l-Mulej jgħid lill-profeta: importanti li tiġbed l-attenzjoni ta’ min jagħmel il-ħażin. Jgħidlu: jekk int tħalli l-ħażin għaddej mingħajr ma tgħid xejn, responsabbiltà tiegħek. Imma jekk titkellem u dak li jkun jippersisti fil-ħażin, ir-responsabbiltà mhijiex tiegħek imma tiegħu jew tagħha.
Għalhekk nitkellmu b’rispett sħiħ lejn il-libertà. Irridu niftakru li t-tajjeb ma nistgħux nimponuh. Jekk persuna tirrifjuta li tagħmel it-tajjeb, fl-aħħar mill-aħħar hi responsabbilta tagħha. Min-naħa tagħna, inkomplu nħobbu lill-persuna u nixtiqulha l-ġid. Nixtiequ li tagħraf it-tajjeb, imma fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabbiltà hija tagħha.
Aħna, meta jkollna din l-attitudni li jsemmi Ġesù hawnhekk, inkunu tassew qed ngħinu fil-bini tal-komunità. Fejn naraw dak li hu ħażin, niġbdu l-attenzjoni, imma nagħmlu dejjem dan bl-imħabba u b’rispett lejn il-libertà.
Naċċettaw korrezzjoni
Dal-kliem ta’ Ġesù jfakkarna li, min-naħa tagħna, irridu nkunu aħna wkoll lesti naċċettaw korrezzjoni. Kultant mhux daqshekk faċli li meta xi ħadd jiġbidlek l-attenzjoni, tieqaf taħseb u tgħid: hawn qed niżbalja. Imma dan li qed jitlob minna Ġesù: li filwaqt li nkunu lesti li ngħinu lil ħaddieħor, inkunu lesti wkoll li naċċettaw korrezzjoni li ssir għall-ġid tagħna.
Nitolbu lill-Mulej biex ikompli jgħinna ħalli fil-ħajja tal-komunità jkollna dan l-ispirtu tiegħu li jsemmi llum, dejjem b’imħabba kbira u b’rispett lejn il-libertà. Ġesu jgħid: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom” (Mt 18:20). Nitolbu li meta aħna ninġabru f’ismu, bħalma nagħmlu kull meta niltaqgħu hawn fil-knisja, hu jkun fostna u jgħinna tassew biex nistgħu ngħixu dan l-ispirtu tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju
Ritratt ta’ Sơn Bờm