Family

B’madwar 140 jum bogħod qabel is-7 Laqgħa dinjija tal-Familji , lit kun tinkludi l-parteċipazzjoni tal-Papa Benedittu XVI f’Milan, it-tħejjijiet qed jintensifikaw. Dil-ġimgħa hu organizzat Simpożju fl-Universita Pontifiċja Laterana propju biex iħejji għal-Laqgħa dinjija ta’ bejn it-30 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju li ġej. Is-Simpożju hu frott tas-sinerġija bejn l-Istitut Pontifiċju Ġwanni Pawlu II għaż-Żwieġ u l-Familja u l-Istitut Pontifiċju Pastorali Redemptor Hominis. Is-Simpożju hu ffukat fuq it-tema ‘Such a Family for Such a Society’.

Il-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Familja, il-Kardinal Ennio Antonelli, li hu wkoll wieħed mill-organizzaturi tal-Laqgħa dinjija, kien wieħed mill-parteċipanti tas-Simpożju. Meta indirizza t-tema, qal li “ċ-ċinema, l-arti in ġenerali, u l-media għandhom jirrispettaw id-dimensjoni profonda tar-realta tal-persuna umana fil-familji, fix-xogħol u fiċ-ċelebrazzjoni”.

Il-Kungress fetaħ b’tislima minn Monsinjur Dario Vigano, President tal-Istitut Redemptor Hominis, segwit mill-intervent deskritt bħala wieħed profond tal-Isqof Enrico Dal Covolo, li huwa Rettur tal-Universita. Huwa rrifletta dwar kif il-media iżjed qed tieħu kontroll ta’ kif għandhom ikunu ffurmati r-relazzjonijiet tal-familji, kif ukoll tal-irwoli tal-persuni li jiffurmaw il-familji. Dan minbarra li qed tpoġġi sfidi ġodda quddiem il-familja, anki fid-dawl tas-sitwazzjoni t’emerġenza fil-qasam tal-edukazzjoni f’dar-rigward, kif esprima ruħu l-Papa.

L-intervent tar-Rettur tal-Universita kien segwit mid-diskors tal-President tal-Istitut Pontifiċju Ġwanni pawlu II dwar iż-Żwieġ u l-Familja – huwa enfasizza kif is-suġġett tal-familja ma jistax jinqabeż, u ma jingħatax l-importanza li tixraqlu. Qal li hu ferm ta’ importanza mhux biss għas-soċjeta ekkleżjali, imam għas-soċjeta in ġenerali.

Dwar il-kollaborazzjoni bejn il-familja u ċ-ċinema, il-President tal-Istitut qal li l-familjia mhix immedjatament evidenti fil-pożittivita. Żied pero li l-familja hi realta umana fejn hi manifestata l-preżenza t’Alla.