Ħadd ma jista’ jsalva waħdu. Mill-Covid-19 infittxu flimkien mogħdijiet ta’ paċi
“Dwar il-ħin u ż-żmien, l-aħwa, ma għandix bżonn niktbilkom. Intom tafu sewwa li Jum il-Mulej jiġi għal għarrieda bħal ħalliel billejl” (1 Tess 5:1-2).
1. B’dawn il-kelmiet, l-Appostlu Pawlu stieden lill-komunità ta’ Tessalonika biex, fl-istennija tal-laqgħa mal-Mulej, tibqa’ sħiħa, b’riġlejha u qalbha sodi fuq l-art, kapaċi tħares b’mod attent lejn ir-realtà u lejn il-ġrajjiet tal-istorja. Għalhekk, imqar jekk il-ġrajjiet tal-ħajja tagħna jidhru hekk traġiċi u nħossuna imbuttati għal ġol-mina mudlama u diffiċli tal-inġustizzja u tat-tbatija, aħna msejħin inżommu qalbna miftuħa għat-tama, fiduċjużi li Alla li jagħmel lilu nnifsu preżenti, iseħibna bi ħlewwa, iweżinna fit-taħbit u, fuq kollox, jagħti direzzjoni lill-mixja tagħna. Għalhekk San Pawl iħeġġeġ il-ħin kollu lill-Komunità biex tishar, tfittex il-ġid, il-ġustizzja u l-verità: “Għalhekk ma għandniex norqdu bħall-oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-qies” (5:6). Hija stedina biex nibqgħu mqajmin, biex ma ningħalqux fil-biża’, fin-niket jew fir-rassenjazzjoni, biex ma nċedux għad-distrazzjoni, biex ma naqtgħux qalbna, imma biex inkunu bħal għassiesa li kapaċi jishru u jilqgħu l-ewwel dawl taż-żerniq, fuq kollox fl-aktar sigħat mudlama.
2. Il-Covid-19 għaddasna fil-qalba tal-lejl, ċaqlaq is-sisien tal-ħajja normali tagħna, qaleb ta’ taħt fuq il-pjanijiet tagħna u d-drawwiet tagħna, ħarbat it-trankwillità li kienet tidher teżisti mqar fis-soċjetajiet l-iżjed ipprivileġġjati, u ġab diżorjentament u tbatija, waqt li kkawża l-mewt ta’ tant minn ħutna.
B’din it-tempesta ta’ sfidi ħabta u sabta timbuttana u f’sitwazzjoni li ma kinitx ċara għalkollox lanqas mill-perspettiva xjentifika, id-dinja tas-saħħa ċċaqalqet biex ittaffi t-tbatija ta’ ħafna u biex tfittex rimedju; l-istess għamlu l-Awtoritajiet politiċi, li kellhom jaddottaw miżuri notevoli f’termini ta’ organizzazzjoni u ta’ emerġenza.
Flimkien mal-manifestazzjonijiet fiżiċi, il-Covid-19 ipprovoka, anki b’effetti fit-tul, skumdità ġenerali li kkonċentrat ruħha fil-qalb ta’ tant persuni u familji, b’implikazzjonijiet li ma jistgħux jiġu ttraskurati, imkebbsa mill-perjodi twal ta’ iżolament u mid-diversi limitazzjonijiet ta’ libertà.
Fuq kollox, ma nistgħux ninsew kif il-pandemija messet xi nervaturi mikxufa tal-binja soċjali u ekonomika, u ħarġet ċerti kontradizzjonijiet u nuqqasijiet ta’ ugwaljanza. Heddet is-sigurtà tax-xogħol ta’ tant persuni u aggravat is-solitudni li dejjem qed tixtered iżjed fis-soċjetajiet tagħna, b’mod partikulari dik tal-iżjed dgħajfa u l-iżjed foqra. Biżżejjed naħsbu, ngħidu aħna, fil-miljuni ta’ ħaddiema informali f’ħafna partijiet tad-dinja, li baqgħu bla impjieg u bla ebda sapport matul il-perjodu kollu tal-iżolament.
Rarament l-individwi u s-soċjetà jistgħu jisseddqu f’sitwazzjonijiet li jnisslu dan is-sens ta’ telfa u mrar: fil-fatt dan idgħajjef l-isforzi għall-paċi u jipprovoka kunflitti soċjali, frustrazzjonijiet u vjolenzi ta’ diversi xejriet. F’dan is-sens, il-pandemija donnha ħarbtet ukoll iż-żoni l-iżjed paċifiċi tad-dinja tagħna, u kixfet għadd kbir ta’ punti dgħajfa.
3. Wara tliet snin, wasal il-mument li noqogħdu ftit biex nistaqsu lilna nfusna, nitgħallmu, nikbru u ninbidlu, bħala individwi u bħala komunitajiet; żmien ipprivileġġjat biex nitħejjew għal “jum il-Mulej”. Diġà tennejt kemm-il darba li mill-mumenti ta’ kriżi qatt ma noħorġu l-istess: noħorġu, jew aħjar, jew agħar. Illum aħna msejħin nistaqsu: x’tgħallimna minn din is-sitwazzjoni tal-pandemija? Liema toroq ġodda rridu naqbdu biex inħallu warajna l-ktajjen tad-drawwiet qodma tagħna, biex inkunu mħejjija aħjar, biex nissugraw il-ġdid? Liema sinjali ta’ ħajja u ta’ tama nistgħu nilqgħu biex nimxu ’l quddiem u nfittxu li nagħmlu d-dinja tagħna aħjar?
Bla dubju, issa li missejna b’idejna d-dgħufija li timmarka r-realtà umana u l-ħajja personali tagħna, nistgħu ngħidu li l-ikbar lezzjoni li l-Covid-19 qed iħallilna b’wirt hu l-għarfien li lkoll għandna bżonn ta’ xulxin, li l-ikbar teżor tagħna, imqar jekk hu l-iżjed dgħajjef, hu l-fraternità umana, imsejsa fuq il-fatt li aħna lkoll ulied Alla, u li ħadd ma jista’ jsalva waħdu. Allura huwa urġenti li nerġgħu nfittxu u nippromovu flimkien il-valuri universali li jimmarkaw il-mixja ta’ din il-fraternità umana. Tgħallimna wkoll li l-fiduċja mqiegħda fil-progress, fit-teknoloġija u fl-effetti tal-globalizzazzjoni mhux biss kienet iktar milli suppost, imma nbidlet f’tossifikazzjoni individwalistika u idolatrika, u kkompromettiet il-garanzija mixtieqa tal-ġustizzja, tal-ftehim u tal-paċi. Fid-dinja tagħna li għaddejja b’ritmu mgħaġġel ħafna, ta’ spiss il-problemi mifruxa ta’ nuqqas ta’ bilanċ, inġustizzji, faqar u emarġinazzjoni jkabbru l-iskumditajiet u l-kunflitti, u jġibu vjolenzi u anki gwerer.
Waqt li, minn naħa, il-pandemija ħarġet dan kollu, min-naħa l-oħra, stajna nagħmlu kixfiet pożittivi: ritorn ta’ ġid lejn l-umiltà; ridimensjonament ta’ ċerti pretensjonijiet konsumistiċi; sens imġedded ta’ solidarjetà li jinkuraġġina biex ninqalgħu mill-egoiżmu tagħna u ninfetħu għat-tbatija tal-oħrajn u għall-bżonnijiet tagħhom; kif ukoll impenn, f’ċerti każi tassew erojku, ta’ tant persuni li ddedikaw ruħhom biex kulħadd seta’ jissupera bl-aħjar mod it-traġedja tal-emerġenza.
Minn din l-esperjenza ħareġ iktar b’saħħtu l-għarfien li jistieden lil kulħadd, popli u nazzjonijiet, biex inqiegħdu fiċ-ċentru l-kelma “flimkien”. Fil-fatt, huwa flimkien, fil-fraternità u fis-solidarjetà, li nibnu l-paċi, niggarantixxu l-ġustizzja, negħlbu l-ġrajjiet l-iktar kiefra. L-aħjar tweġibiet għall-pandemija, fil-fatt, kienu dawk li raw gruppi soċjali, istituzzjonijiet pubbliċi u privati, organizzazzjonijiet internazzjonali magħquda biex iwieġbu għall-isfida, waqt li ħallew għall-ġenb kull interess partikulari. Hija biss dik il-paċi li titwieled mill-imħabba tal-aħwa u diżinteressata li tista’ tgħinna negħlbu l-kriżijiet personali, soċjali u dinjija.
4. Fl-istess waqt, fil-mument li fih issugrajna nittamaw li l-eqqel tal-lejl tal-pandemija tal-Covid-19 kien ingħeleb, traġedja terribbli ġdida ħabtet fuq l-umanità. Rajna flaġell ieħor jerfa’ rasu: gwerra oħra, li b’xi mod tista’ tipparagunaha mal-Covid-19, imma sadattant hi ggwidata minn għażliet umani li jġorru magħhom ħtija. Il-gwerra fl-Ukrajna qed taħsad il-ħajjiet ta’ vittmi innoċenti u xxerred l-inċertezza, mhux biss għal hu milqut direttament minnha, imma b’mod mifrux u indiskriminat għal kulħadd, anki għal dawk li, eluf ta’ kilometri bogħod, qed ibatu l-effetti kollaterali tagħha – biżżejjed naħsbu fil-problemi tal-qamħ u fil-prezzijiet tal-fjuwil.
Bla dubju, din mhijiex l-era ta’ wara l-Covid li konna qed nittamaw jew nistennew. Fil-fatt, din il-gwerra, flimkien mal-kunflitti l-oħra kollha mxerrda mal-globu, hija telfa għall-umanità kollha u mhux biss għall-partijiet direttament involuti fiha. Waqt li għall-Covid-19 instabet tilqima, għall-gwerra għadhom ma jistgħux jinstabu soluzzjonijiet tajba. Ċertament il-virus tal-gwerra hu iżjed diffiċli tirbħu minn dawk li jolqtu l-ġisem uman, għax dan mhux ġej minn barra, imma minn ġewwa l-qalb umana, imħassra mid-dnub (ara Mk 7:17-23).
5. U allura x’aħna mitluba nagħmlu? Qabelxejn, inħallu tibdlilna lil qalbna l-emerġenza li għexna, jiġifieri nħallu li, permezz ta’ dan il-mument storiku, Alla jibdel il-kriterji li bihom soltu mdorrijin ninterpretaw id-dinja u r-realtà. Ma nistgħux naħsbu iżjed biss kif ħa nippreservaw l-ispazju tal-interessi personali jew nazzjonali tagħna, imma rridu naħsbu fid-dawl tal-ġid komuni, b’sens komunitarju, jew aħjar bħala “aħna” miftuħa għall-fraternità universali. Ma nistgħux infittxu biss il-protezzjoni tagħna nfusna, imma dan hu l-mument li nħabirku lkoll għall-fejqan tas-soċjetà tagħna u tal-pjaneta tagħna, u noħolqu l-pedamenti għal dinja iżjed ġusta u paċifika, serjament impenjata fit-tiftix ta’ ġid li jkun tassew komuni.
Biex nagħmlu dan u ngħixu f’dinja aħjar wara l-emerġenza tal-Covid-19, ma nistgħux ninjoraw fatt fundamentali: il-ħafna kriżijiet morali, soċjali, politiċi u ekonomiċi li qed ngħixu huma kollha marbutin ma’ xulxin, u dawk li narawhom bħala problemi individwali fir-realtà huma waħda l-kawża jew il-konsegwenza tal-oħra. U allura, aħna msejħin naffaċċjaw l-isfidi tad-dinja tagħna b’responsabbiltà u kompassjoni. Jeħtieġ nerġgħu nittrattaw it-tema tal-garanzija tas-saħħa pubblika għal kulħadd; nippromovu azzjonijiet ta’ paċi biex inġibu fi tmiemhom il-kunflitti u l-gwerer li qed ikomplu jiġġeneraw vittmi u faqar; nieħdu ħsieb flimkien tad-dar komuni tagħna u nattwaw miżuri ċari u effikaċi biex nilqgħu għall-bidla fil-klima; niġġieldu lill-virus tan-nuqqas ta’ ugwaljanza u niggarantixxu l-ikel u xogħol dinjituż għal kulħadd, u nwieżnu lil dawk li mank għandhom paga minima u jinsabu f’diffikultà kbira. L-iskandlu tal-popli bil-ġuħ iweġġagħna. Għandna bżonn niżviluppaw, b’politika adegwata, l-akkoljenza u l-integrazzjoni, b’mod partikulari fil-konfront tal-migranti u ta’ dawk li qed jgħixu bħal mormija fis-soċjetajiet tagħna. Huwa biss jekk nirsistu f’dawn is-sitwazzjonijiet, b’xewqa altruwista mnebbħa mill-imħabba bla tarf u ħanina ta’ Alla, li nistgħu nibnu dinja ġdida u ngħinu biex tinbena s-Saltna ta’ Alla, li hi Saltna ta’ mħabba, ta’ ġustizzja u ta’ paċi.
B’dawn ir-riflessjonijiet li qed naqsam magħkom, nawgura li fis-sena l-ġdida nistgħu nimxu flimkien u ngħożżu dak li l-istorja tista’ tgħallimna. Nawgura l-isbaħ xewqat lill-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet, lir-Responsabbli tal-Organizzazzjonijiet internazzjonali, lill-Mexxejja tad-diversi reliġjonijiet. Lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba nawgura li jum wara jum, bħal artiġjani tal-paċi, jibnu sena tajba! Marija Immakulata, Omm Ġesù u Sultana tal-Paċi, tidħol għalina u għad-dinja kollha.
Sors: laikos.org