Nhar l-Erbgħa li ġej, 4 ta’ Jannar 2023, l-Arċisqof Charles Jude Scicluna se jiċċelebra quddiesa De Requiem għall-Papa Emeritu Benedittu XVI fis-6:30 p.m. fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Kulħadd mistieden jattendi għal din iċ-ċelebrazzjoni. Is-saċerdoti huma mistiedna wkoll jikkonċelebraw f’din il-quddiesa.

Il-quddiesa se tixxandar fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

L-għada l-Ħamis 5 ta’ Jannar, l-Arċisqof se jirrappreżenta lill-Knisja f’Malta fil-funeral tal-Papa Emeritu li se jsir fi Pjazza San Pietru, il-Vatikan. F’Malta fil-knejjes kollha tal-Arċidjoċesi se tindaqq mota ta’ luttu f’nofsinhar fil-ħin tad-dfin tal-Papa Emeritu; u matul il-ġurnata jew f’ġurnata viċin se tiġi ċelebrata quddiesa għal ruħu.

Nitolbu lill-Mulej biex jilqa’ lill-Papa Emeritu Benedittu XVI fi ħdanu u jagħtih il-milja tal-paċi, tal-imħabba u tal-ferħ miegħu fis-sema.