L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Qrajt darba li s-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa. Hu dan il-messaġġ prinċipali li nixtieq inwassal illum f’Jum il-Ħajja.
Insellem lil dawk kollha li qed jipparteċipaw f’dan il-jum speċjali, li qed jiġi ċċelebrat f’Jum il-Preżentazzjoni tal-Mulej, meta aħna niċċelebraw lil Kristu li hu d-dawl biex idawwal lill-ġnus.
Il-laqgħa tagħna hawnhekk flimkien illum mhix kontra xi ħaġa jew kontra xi ħadd. Aħna ltqajna flimkien għax aħna favur mhux għax aħna kontra.
Iktar ma jkollna etika konsistenti favur il-ħajja, iktar inkunu qed nibnu soċjetà li tirrispetta l-bniedem, hu min hu, hi min hi.
Favur il-ħajja
Aħna favur il-ħajja umana u għax favur il-ħajja nemmnu li għandna nħarsuha u ngħożżuha mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Meta diġà hemm ħajja umana, ma għandu jkun hemm qatt xi mument meta niddeċiedu aħna min jista’ jgħix u min le.
Ma tistax toftom id-drittijiet ċivili mid-dritt għall-ħajja, mid-dritt li bniedem li tnissel ikun protett biex jista’ jitwieled u jagħmel eventwalment id-deċiżjonijiet tiegħu. Iktar ma jkollna etika konsistenti favur il-ħajja, iktar inkunu qed nibnu soċjetà li tirrispetta l-bniedem, hu min hu, hi min hi.
Favur id-dgħajfa
Aħna favur dawk kollha li huma dgħajfa u vulnerabbli, u nemmnu li l-ħarsien tal-ħajja tal-vulnerabbli hu l-qies ta’ soċjetà li tkun tassew umana. X’hemm iktar dgħajfa minn ħajja umana li għadha fil-bidu nett tagħha u li tistenna min jilqagħha mhux jirrifjutaha?
Fost dawk vulnerabbli, hemm dawk li għaddejjin minn tbatija minħabba l-mard jew xi kundizzjoni oħra. Hemm min ilu s-snin f’qiegħ ta’ sodda. Dawn jitolbu minna attenzjoni u azzjoni li ttaffilhom it-toqol tal-ħajja u turihom bil-fatti li huma maħbuba u l-ħajja tagħhom hi għażiża.
Irridu naħdmu bis-sħiħ għall-ħarsien tal-ħolqien, biex il-ġenerazzjonijiet futuri jgħixu b’arja nadifa u jgawdu dak li gawdejna aħna u mhux jaraw biss is-sabiħ tan-natura f’pajjiżna fil-ilmati tal-imgħoddi.
Fost dawk vulnerabbli, hemm dawk li jispiċċaw bejn sema u ilma, jitkarrbu biex xi ħadd jagħtihom il-kenn u ma jisparixxux taħt l-ilma għal dejjem. Aħna rridu naħdmu bis-sħiħ għall-protezzjoni tal-ħajja ta’ dawn in-nies, biex ma jispiċċawx vittmi tal-indifferenza u tal-kultura tar-rimi, kif jenfasizza sikwit Papa Franġisku.
Favur il-ġenerazzjonijiet futuri
Aħna favur il-ġenerazzjonijiet futuri, u għalhekk qed naħdmu biex il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jitwieldu wara li jitnisslu, u jkunu jistgħu jsibu ambjent xieraq fejn jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom.
Għax favur il-ġenerazzjonijiet futuri, irridu naħdmu bis-sħiħ għall-ħarsien tal-ħolqien, biex huma jistgħu jgħixu b’arja nadifa u jgawdu dak li gawdejna aħna u mhux jirnexxilhom jaraw biss is-sabiħ tan-natura f’pajjiżna meta jaraw filmati tal-imgħoddi.
Naħdmu wkoll biex il-ġenerazzjonijiet futuri jgħożżu l-valur tal-ħajja u ma jitqarrqux bid-droga bħala mezz rikreattiv mingħajr ma jaħsbu fil-fond dwar il-konsegwenzi li din għandha għal ħajjithom.
Favur il-ħajja bi prinċipju
Aħna favur il-ħajja bi prinċipju. Il-ħarsien tal-ħajja qatt ma għandu jkun jiddependi mill-kunsens popolari jew mit-tendenzi taż-żmien. Żgur li tifhmu d-differenza bejn li tħares il-ħajja bi prinċipju u li titkellem favur il-ħajja għax hekk jaqbel fil-mument, bil-ħsieb li tibdel fehmtek il-mument li ma jkunx jaqbel. Għalhekk nixtieq nirringrazzja lil tant nies fis-soċjetà Maltija li bi prinċipju huma favur il-ħajja u impenjati biex jipproteġuha f’kull waqt tagħha.
Jekk il-ħidma tagħna favur il-ħajja f’kull waqt tagħha toħroġ l-identità tagħna l-Maltin, ma jkollniex diffikultà li nibqgħu ngħożżu dan il-prinċipju wkoll jekk pajjiżi oħra jaħsbuha mod ieħor. Ukoll jekk inkunu “sinjal li jmeruh”, l-għożża tal-ħajja b’ebda mod ma tħammrilna wiċċna ma’ ħadd.
Favur appoġġ lil min jeħtieġu
Nafu li mhux biżżejjed nitkellmu favur il-ħajja, imma hi meħtieġa azzjoni konkreta ta’ solidarjetà ma’ dawk li jsibu ruħhom f’diffikultà, pereżempju dawk li għandhom problema biex jaċċettaw ħajja ġdida. Irridu nagħtu l-appoġġ neċessarju.
F’dan il-kuntest, nixtieq nuri l-apprezzament kbir għall-inizjattiva tal-Life Network Foundation, li bil-fergħa tagħha ‘Lifeline Malta’ fetħet id-Dar Tgħanniqa ta’ Omm – inizjattiva li tipprovdi kenn għall-ommijiet li jeħtieġu għajnuna fit-tqala u li diġà għenet biex ikunu salvati diversi trabi waqt li l-ommijiet irċevew kull sapport li kienu jeħtieġu.
Jum il-Ħajja jurina li s-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-attenzjoni li nagħtu lil dawk l-aktar dgħajfa u mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa. Ejjew inkomplu naħdmu lkoll biex ikollna soċjetà fejn ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju