Fil-jiem li ġejjin il‑Knisja f’Malta se tfakkar Jum il‑Karità. L‑għan ta’ dan il‑jum hu li jikber l‑għarfien dwar il‑ħidma li jwettqu fis‑soċjetà l-entitajiet tal‑Knisja mal‑persuni vulnerabbli. Permezz ta’ diversi djar residenzjali u ħidmiet ta’ karità minn professjonisti u voluntiera, il‑Knisja f’Malta tilqa’ u taqdi lil ħutna fil‑bżonn, irrispettivament mir‑razza, kulur tal‑ġilda jew twemmin.

Bħalissa hemm iktar minn 1,600 persuna jgħixu fid‑djar residenzjali tal‑Knisja. Dawn jinkludu tfal u żgħażagħ li jgħixu fid‑djar tat‑tfal, anzjani, persuni bi bżonnijiet speċjali, dawk li qed jingħataw l‑għajnuna biex joħorġu mill-vizzju tad-droga, immigranti u refuġjati, vittmi ta’ vjolenza domestika, nisa li jaqgħu fil‑prostituzzjoni, u persuni bla saqaf fuq rashom. Barra minn hekk, mal‑1,450 familja jingħataw għajnuna mill‑kappillani permezz tas‑servizzi ta’ djakonija fil‑parroċċi.

L-entitàjiet li jipparteċipaw f’Jum il-Karità huma: id‑Dar tal‑Providenza, il-Kappillani tal-isptarjiet u l-kappillan tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Fondazzjoni Caritas Malta, Fondazzjoni Sebħ, id‑Djar tal‑Knisja għall-Anzjani, il‑Kummissjoni Migranti, il‑Laboratorju tal‑Paċi, il‑Jesuit Refugee Service, St Jeanne Antide Foundation, il‑Millenium Chapel, Paolo Freire Institute Foundation, Dar Merħba Bik, Dar Osanna Pia, Dar Hosea, Youth Alive Foundation – Dar Frate Jacoba, is‑Segretarjat Assistenza Soċjali,  Fondazzjoni Suret il‑Bniedem, Ursuline Creche Home, Soup Kitchen OFM – Valletta u Kummissjoni Djakonija Parroċċi.

Din is‑sena, l‑għajnuna lil dawn l‑entitajiet għall‑persuni fil‑bżonn tista’ ssir permezz ta’:

  • offerta fil-ġabra tal-quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej
  • ċekk pagabbli lill-Arċidjoċesi ta’ Malta li jintbagħat fuq Segretarjat Djakonija, Jum il-Karità, Kurja tal-Arċisqof, P.O. Box 1, Floriana FRN1520. Iċ-ċekkijiet aċċettati mill-banek jridu jkunu ta’ €20.01 jew aktar.
  • donazzjoni fuq https://knisja.mt/donazzjonijiet/ u fil-messaġġ jinkiteb Jum il-Karità u l-flus imorru għal dan il-għan.

Jum il‑Karità jitfakkar kull sena b’inizjattiva tas‑Segretarjat għad‑Djakonija fi ħdan l‑Arċidjoċesi ta’ Malta.