Nhar il‑Ħadd li ġej, 25 ta’ April 2021, ir‑raba’ Ħadd tal‑Għid, huwa l‑Jum Dinji ta’ Talb għall‑Vokazzjonijiet. Dakinhar l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna se jiċċelebra quddiesa mill‑Kappella taċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet fis‑Seminarju, Tal‑Virtù, fid‑9:30 a.m. Din se tixxandar fuq TVM2, Knisja.mt u Newsbook.com.mt.
Fil‑quddiesa se jieħdu sehem saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, u seminaristi li huma responsabbli mill‑ħidma vokazzjonali, kif ukoll żgħażagħ li jieħdu sehem fl‑attivitajiet li jorganizza ċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet tas‑Seminarju tal‑Arċisqof. L‑għan taċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet huwa li jakkumpanja lill‑adolexxenti u liż‑żgħażagħ fil‑mixja tagħhom lejn l‑għarfien tas‑sejħa personali li Alla jrid jagħmel lilhom.
Fil‑messaġġ tiegħu għall‑Jum Dinji ta’ Talb għall‑Vokazzjonijiet 2021, il‑Papa Franġisku jfakkarna li anke llum “il‑Mulej jixtieq jagħġen qlub ta’ missirijiet, qlub ta’ ommijiet: qlub miftuħa, kapaċi għal inizjattivi kbar, ġenerużi fl‑għotja, mimlija ħniena biex ifarrġu fit‑tbatija u qawwija biex isaħħu t‑tama. Ta’ dan għandhom bżonn is‑saċerdozju u l‑ħajja kkonsagrata, illum b’mod partikulari, fi żminijiet bħal dawn immarkati minn dgħufijiet u tbatijiet anki minħabba l‑pandemija li ġabet magħha inċertezzi u biżgħat dwar il‑futur u l‑istess sens tal‑ħajja.”
L‑Insara huma mħeġġa biex jitolbu sabiex il‑Mulej jgħin liż‑żgħażagħ jiskopru l‑imħabba li Alla għandu għalihom. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il‑websajt www.seminaryvocationscentre.mt li tinkludi esperjenzi minn diversi persuni li sabu s‑sejħa tagħhom permezz tal‑ħidma li ssir miċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet.