*****

Direttur:          Jake Kasdan

Atturi:              Dwayne Johnson, Jack Black, Kevin Hart, Karen Gillan, Nick Jonas, Awkwafina, Alex Wolff, Morgan Turner, Serf’Darius Blain, Madison Iseman u  Danny Glover

Ħin tal-Film:    123 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12

Sena wara l-ġrajjiet li seħħew fil-film ta’ qabel dan, Spencer, Fridge, Martha u Bethany infirdu u marru f’direzzjonijiet differenti għalkemm ftehmu li jiltaqgħu ġewwa Brantford. Spencer kien imħasseb ħafna rigward din il-laqgħa l-aktar minħabba  li ma xtaqx jiltaqa’ ma’ Martha u jkomplu bir-relazzjoni magħha.

Fl-ewwel lejl ġewwa Brantford, Spencer intebaħ li ż-żmien ġewwa Jumanji kien għalih aktar relevanti u għalhekk iddeċieda li jirritorna lura hemm. L-għada, Fridge, Martha u Bathany tħassbu meta Spencer ma deherx. Għalhekk marru fejn kien joqgħod u hemm iltaqgħu ma’ Eddie, in-nannu tiegħu li kien qiegħed hemm rikoverat wara operazzjoni u Milo Walker.

Hemm il-grupp isiru jafu li Spencer apposta kien żamm biċċiet imkissra tal-logħba Jumanji. Għalhekk iddeċiedew li jidħlu fil-logħba biex jerġgħu jġibu lura lil Spencer. Iżda l-logħba ma ħadmitx kif  suppost u begħlet biss lil Fridge u lil Martha, flimkien ma’ Eddie u Milo. Bethany li baqgħet barra, marret tfittex lil Alex Vreeke, player ieħor, biex flimkien jerġgħu jidħlu fil-logħba. Sadanittant, fil-logħba, Martha ssib ruħha għal darb’oħra lura fil-karattru ta’ Lara Croft fir-Ruby Roundhouse waqt li Fridge jispiċċa fil-forma tal-Professur Oberon Shelly, espert fil-mapep, waqt li Eddie jsib ruħu fil-karattru ta’ Dr. Smolder Bravestone u Milo isir iż-żoologu “Mouse”.  

Minħabba nuqqas ta’ esperjenza li Eddie u Milo sabu ruħhom fiha, din issarfet billi Fridge tilef l-ewwel ħajja. Il-gwida Nigel Billingsly jinforma lill-grupp li l-logħba kienet inbidlet minħabba li Jurgen the Brutal, kmandant militari bla ħniena ta’ xejn u li kien responsabbli għall-mewt tal-ġenituri ta’ Bravestone, kien seraq ukoll il-ġiżirana maġika magħrufa bħala Falcon’s Heart li kienet tipprovdi fertilità lill-artijiet sakemm din kienet dejjem tħares lejn ix-xemx. Iżda Jurgen poġġa din il-ġiżirana fid-dlam b’riżultat li kkawżat diżastru fl-artijiet li sfaw f’nixfa kbira.  X’sejrin jagħmlu biex jerġgħu jġibu lura din il-ġiżirana? Meta waqqfu qrib oasi, hemm jiltaqgħu ma’ Spencer li issa kien qiegħed jaħdem f’karattru ġdid, il-ħalliel ta’ Ming Fleetfoot.  X’jiġri minn hawn?

Film Amerikan, fantasija, kummiedja u mimli avventuri interessanti, taħt id-direzzjoni ta’ Jake Kasdan u msejjes fuq il-ktieb Jumanji ta’ Chris Van Allsburg. Minħabba kliem goff u azzjonijiet mimli tensjoni, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.