Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tappellalill‑amministrazzjoni li se tmexxi l‑pajjiż mill‑aħħar ta’ Marzu ’l quddiem sabiex tagħmel l‑isforzi kollha, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali, biex Malta, l‑Ewropa u d‑dinja kollha jħallu warajhom b’mod deċiżiv l‑użu ta’ sorsi ta’ enerġija li ġejjin mill‑karburanti fossili (fossil fuels) u impjanti nukleari. Dan fid-dawl tal‑invażjoni traġika u insensata tal‑Ukrajna min‑naħa tar‑Russja, fejn il-gwerra ġabet fuq quddiem nett ukoll kwistjoni ambjentali fundamentali marbuta mas‑sorsi tal‑enerġija.

Rigward l‑ambjent f’pajjiżna, il‑Kummissjoni Ambjent hi tal‑opinjoni li l‑ambjenti naturali u urban qed jitħassru mhux neċessarjament minħabba xi nuqqas ta’ investiment imma minħabba pjani u policies ħżiena. Il‑ħsara ambjentali tieqaf jekk ikollna liġijiet, pjani u policies li ma jirrekjedu l‑ebda investiment iżda li, kruċjalment, ikunu msejsa fuq pariri li jkunu ħielsa minn kunflitt ta’ interess li jingħataw lill‑awtoritajiet u li dawn jippromovu b’mod sinċier il‑ġid komuni.

Il‑Kummissjoni Ambjent tistieden lill‑amministrazzjoni l‑ġdida biex:

  • Tirrevedi l‑Pjan Strateġiku għall‑Ambjent u l‑Iżvilupp (SPED) u l‑pjani lokali. Il‑pjani lokali għandhom ikunu l‑arbitru aħħari tal‑għoli tal‑bini f’kull triq fil‑Gżejjer Maltin. Mhuwiex aċċettabli li għanqbuta sħiħa ta’ policies oħra tal‑ippjanar jimminaw dak li jkun ġie approvat fil‑pjani lokali.
  • Tippubblika r‑reviżjoni tar‑Rural Policy and Design Guidance 2014. Il‑konsultazzjoni pubblika dwar ir‑reviżjoni ta’ din il‑policy għalqet f’Awwissu 2020. It‑tkaxkir tas‑saqajn fejn tidħol din ir‑reviżjoni qed jippermetti li jsir iktar bini f’żoni ’l barra miż‑żoni tal‑iżvilupp anke jekk iż‑żoni tal‑iżvilupp ma ġewx estiżi b’mod uffiċjali.
  • Tirrevedi d‑Development Control Design Policy, Guidance and Standards 2015 li qed tagħmel ħerba mill‑irdumijiet f’Għawdex.
  • Ikollha biżżejjed kuraġġ biex ma timxix ma’ wegħda elettorali jekk din il‑wegħda, wara li jkunu saru l‑istudji meħtieġa, tkun se twassal biex jitnaqqar il‑ġid komuni.
  • Tieħu passi biex l‑art agrikola fil‑Gżejjer Maltin tingħata protezzjoni speċjali iktar minn dik li tgawdi llum.
  • Tara li meta ssir konsultazzjoni pubblika fuq pjani u policies din ma tkunx waħda finta li taqdi interessi li ma jagħtux każ il-ġid komuni.
  • Tressaq abbozz ta’ liġi fil‑Parlament li permezz tagħha l‑partiti politiċi jkunu finanzjati parzjalment mill‑Istat u li l‑membri parlamentari jkollhom ħlas xieraq li jnaqqsilhom il‑ħtieġa li jduru fuq negozjanti u kuntratturi għal donazzjonijiet. 

Appell lill‑votanti

Il‑Parlament għandu bżonn nies li jkollhom integrità, li jkunu ta’ sinsla u li kapaċi jisfidaw lill‑partit tagħhom biex imexxi ’l quddiem il‑ġid komuni. Dawn in‑nies hemm bżonn li jkunu kemm fuq in‑naħa tal‑Gvern u kemm fuq in‑naħa tal‑Oppożizzjoni fil‑Parlament. Il‑Kummissjoni Ambjent tappella lill‑votanti biex jivvutaw b’mod għaqli biex jiżguraw li l‑ġid komuni jkun rispettat fil‑leġislatura li jmiss.