• Ir-residenti tad-Dar tal-Providenza issa għandhom kamra tal-mużika speċjalizzata fejn ikollhom sessjonijiet tal-mużika b’mod individwali kif ukoll fi gruppi, liema sessjonijiet huma ta’ benefiċċju kbir għalihom.

    Il-kamra tal-mużika setgħet issir bil-għajnuna finanzjarja tar-Rotary Club La Valette, ir-Rotary Club Malta u r-Rotary International District 2110 li sponserjaw il-proġett kif ukoll tal-Alf. Mizzi Foundation li sponsorjat il-lift li jwassal għall-kamra tal-mużika.

    Qabel l-inawgurazzjoni tkellmu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, li fid-diskors ta’ merħba sab ħin jirringrazzja lil dawk kollha li taw l-għajnuna tagħhom biex jitwettaq dan il-proġett; is-Sinjura Margaret Vella, il-Fiżjoterapista Ewlenija tad-Dar li tkellmet dwar l-għan tal-kamra tal-mużika;  il-Perit, Prof. Vincent Buhagiar, koordinatur tal-proġett, li ta ħjiel tax-xogħol li kellu jsir biex tlestiet il-kamra u s-Sur Albert Petrococchino, mill-Alf Mizzi Foundation li ġentilment sponserjat il-lift flimkien mas-Sinjura Jane Mizzi, Trustee tal-Fondazzjoni, li ppreżentat iċ-ċekk tal-isponsorship lil Fr Martin.

    Min-naħa tar-Rotary tkellmu s-Sur Bryan Sullivan tar-Rotary Club La Valette u s-Sur John de Giorgio, Gvernatur tar-Rotary International f’Malta u fi Sqallija. Huma semmew l-impenn tar-Rotariani biex jgħinu sezzjonijiet tal-komunità li jagħmlu parti minnha.

    Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija, għamel diskors tal-għeluq fejn irrepeta dak li qal Papa Franġisku li kull persuna fosthom il-persuni b’diżabilità huma persuni uniċi u irrepetibbli. Huwa qal li hija grazzja kbira li biex iseħħu proġetti bħal dan tal-kamra tal-mużika, li jtejbu il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, hemm ukoll struttura ta’ impjegati u voluntiera biex jaraw li x-xogħol isir u s-servizz jingħata.

    Il-kamra tal-mużika ġiet inawgurata mis-Sur John de Giorgio u mbierka minn Mons. Cordina.

    Ma naqasx li r-residenti juru l-abbiltajiet tagħhom bl-għajnuna tal-ability promoters tad-Dar u kantaw tliet siltiet mużikali.

    3