L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ħatar lil Patri Ivan Scicluna O.Carm bħala kappillan tal-Parroċċa ta’ Fleur-de-Lys.
Patri Ivan Scicluna twieled fl-1977 u tgħammed fil-parroċċa ta’ Santu Wistin, il-Belt Valletta. Huwa trabba u rċieva l-formazzjoni Nisranija fil-parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu, il-Fgura. Fl-1995 daħal prenovizz fl-Ordni Karmelitan, fl-età ta’ 18-il sena, u sena wara beda l-kors tal-filosofija u t-teoloġija fl-Università ta’ Malta.
Patri Ivan ġie ordnat saċerdot fl-2003. Sentejn wara, ġie mibgħut Ruma fiċ-Ċentru Internazzjonali tal-Ordni San Albert sabiex jistudja t-teoloġija spiritwali, u fl-2007 kiseb il-liċenzjat fit-teoloġija bi speċjalizzazzjoni fl-ispiritwalità mill-Pontificia Università Gregoriana. F’Ottubru tal-2007 s-superjuri bagħtu lil Patri Ivan jagħti sehmu bħala assistent direttur tan-novizzi u l-professi fil-belt ta’ Salamanca, ġewwa Spanja.
Lura Malta, Patri Ivan ġie assenjat għall-Komunità u l-Parroċċa Karmelitana tal-Fgura, fejn sa issa kien kollaboratur tal-kappillan, Patri Renald Lofreda O.Carm.
Il-parroċċa ta’ Fleur-de-Lys tiġbor fiha madwar 3,350 persuna f’1,250 familja.