L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ħatar lil Patri Joe Saliba O.Carm bħala kappillan tal-Parroċċa ta’ Santa Venera.

Patri Joe Saliba twieled Birkirkara fl-1955 u tgħammed fil-Bażilika ta’ S. Elena fl-istess lokalità. Huwa studja fl-iskola sekondarja teknika tan-Naxxar.  Daħal fl-Ordni Karmelitan fl-1973, fl-età ta’ 18-il sena, u ġie ordnat saċerdot fl-1980.  Huwa studja fl-INSERM u speċjalizza fl-Ispiritwalità fl-Istitut Pontifiċju tat-Teresianum, f’Ruma, minn fejn ġab il-liċenzjat fit-teoloġija.  Wara, huwa kompla jistudja fl-Università ta’ Malta minn fejn ggradwa fl-Edukazzjoni.

Tul is-snin tal-ħidma tiegħu Patri Joe għallem fil-Kulleġġ Mount Carmel (illum S. Elija), fejn kien rettur għal xi żmien, fl-Inserm u fil-Carmelite Institute.

Fil-ħidma pastorali tiegħu, Patri Joe ta s-servizz tiegħu fil-parroċċi ta’ Fleur-de-Lys, S. Venera, Balluta u Fgura.  Huwa kien Direttur tad-Dar tat-Talb, Lunzjata. Fl-1997 huwa ġie maħtur kappillan tal-parroċċa tal-Fgura, waqt li fl-2006 inħatar kappillan tal-parroċċa ta’ Fleur-de-Lys u Pirjol tal-komunità Karmelitana.

Fil-Kapitlu Provinċjali li għadu kemm ġie ċċelebrat, il-Provinċjal u l-Kunsill tiegħu ħatru lil Patri Joe bħala Pirjol tal-komunità karmelitana li tmexxi l-parroċċa ta’ Santa Venera.

Il-parroċċa ta’ Santa Venera tiġbor fiha madwar 9,000 persuna f’2,200 familja.