• L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Valentino Borg bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Kirkop.

    Dun Valentino Borg twieled fid-29 ta’ Diċembru 1954. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola ta’ Raħal Ġdid, l-edukazzjoni sekondarja fis-Seminarju tal-Arċisqof, u kompla l-istudji terzjarji (Filosofija u Teoloġija) fil-Fakultà tat-Teoloġija, fis-Seminarju, Tal-Virtù.

    Dun Valentino ġie ordnat saċerdot fid-11 ta’ Lulju 1981. Beda l-ħidma pastorali tiegħu bħala viċi-kappillan fil-parroċċa ta’ Ħal Tarxien (1981-1995), bħala kappillan fil-parroċċi ta’ Ħal Għargħur (1995-1998), l-Imġarr (1998-2003) u l-Imsida (2003-2006). 

    Dun Valentino ħadem ukoll bħala għalliem tar-reliġjon fis-Seminarju tal-Arċisqof u bħala religious councellor f’diversi skejjel tal-Istat. Serva bħala Delegat tal-Arċisqof fis-Segretarjat tal-Liturġija, Ċerimonjier Djoċesan, Segretarju Amministrattiv, Direttur Nazzjonali tal-Abbatini u Direttur tad-Djar tal-Anzjani.

    Il-parroċċa ta’ Ħal Kirkop tiġbor fiha madwar 2,200 persuna f’670 familja.