L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Joseph Cilia bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Lija.
Dun Joseph Cilia twieled il-Pietà fit-30 ta’ Diċembru 1971. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja tal-Mosta, fl-iskola sekondarja tan-Naxxar, ta’ Raħal Ġdid u ta’ San Mikiel, Santa Venera. Kompla l-istudji terzjarji fil-Fakulta tat-Teoloġija u tal-Arti (Filosofija u Teoloġija), fl-Università ta’ Malta.
Dun Joseph ġie ordnat saċerdot fit-3 ta’ Awwissu 2001. L-ewwel ħidma pastorali tiegħu kienet fil-parroċċa tal-Imġarr għal perijodu ta’ sena, u wara fil-parroċċa ta’ Ħal Qormi (San Sebastjan) bħala viċi-parroku għal perijodu ta’ tliet snin. Fl-2006 nħatar kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Safi fejn serva għal perijodu ta’ ħames snin. Fl-2011 inħatar arċipriet tal-parroċċa tal-Birgu fejn ilu jservi għal dawn l-aħħar erba’ snin. Bħala parti mill-ħidma pastorali tiegħu kien ukoll direttur spiritwali fl-iskola sekondarja Tal-Ħandaq, Ħal Qormi.
Il-parroċċa ta’ Ħal Lija tiġbor fiha madwar 3,150 persuna f’1,150 familja.