• Twaqqfet ic-Church Schools Association (CSA) b’viżjoni ċara kif imfisser fl-Istatut tal-Assoċjazzjoni:
    “Imnebbħa mill-Evanġelju u mit-tagħlim tal-Knisja, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja (CSA) toffri appoġġ professjonali u morali lill-Kapijiet tal-Iskejjel li tirrappreżenta sabiex jipprovdu edukazzjoni Kattolika integrali mill-aqwa lill-istudenti kollha fl-Iskejjel tal-Knisja.

    Bħala Kapijiet tal-Iskejjel tal-Knisja:
    • Noħolqu network ta’ ħidma biex titħares u tissaħħaħ l-identità u l-missjoni tal-iskejjel tagħna u biex din l-istess identità tkun rappreżentata f’kumitati governattivi, tal-Knisja, kif ukoll f’assoċjazzjonijiet pertinenti oħra, kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali.
    • Nirrispettaw id-diversità tal-kariżmi tal-Iskejjel tal-Knisja speċjalment fil-viżjoni, fil-missjoni u fl-operat partikulari ta’ kull skola.
    • Naħdmu id f’id mas-Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija, mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u ma’ entitajiet oħra, sabiex l-istudenti, l-edukaturi u l-familji jkollhom l-aħjar opportunitajiet edukattivi.
    • Naħdmu bies jiġi mħares u mplimentat fit-totalita’ tiegħu il-ftehim tal-1991 bejn is-Santa Sede u r-Repubblika ta’ Malta.”
    Bit-twaqqif tal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja, u dik tal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti (ISA), li ilha topera mill-2007, f’Laqgħa Ġenerali Straordinarja msejħa propju għal dan il-għan, il-kapijiet tal-Iskejjel tal-Knisja kif ukoll il-kapijiet tal-Iskejjel Indipendenti flimkien ivvutaw biex ixolju l-Private Schools Association (PSA) li kienet twaqqfet fl-1951 biex tħares u tippromovi l-interessi tal-Iskejjel Privati.

    Fr Jimmy Bartolo SJ, il-koordinatur elett tal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja, kif ukoll Dr Joe Gauci, President tal-Independent Schools Association (ISA) qablu li l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti jirriflettu l-ħtieġa għal żewġ għaqdiet awtonomi li jirrapreżentaw żewġ setturi b’identità u ħtiġijiet distinti. It-tnejn iżda esprimew il-konvinzjoni sħiħa tagħhom li l-eżistenza ta’ żewġ assocjazzjonijiet ser iġġib iktar kollaborazzjoni bejniethom u impenn aktar effettiv sabiex jintlaħqu miri komuni għall-Iskejjel tal-Knisja kif ukoll Indipendenti. Fr Bartolo u Dr Gauci rringrazzjaw mill-qalb lil kull min ta sehemu fil-PSA matul ħafna snin ta’ ħidma.

    Il-membri l-oħra eletti fil-kumitat tal-Iskejjel tal-Knisja huma: Fr Eric Cachia SDB (Assistent Koordinatur), Fr Mark Ellul (Segretarju), Ms Mariella Vella (Assistent Segretarja), Fr Silvio Bezzina MSSP (Teżorier) u Ms Daniela Camilleri Sacco, Ms Mariuccia Fenech u Mr Reuben Mifsud (membri).