L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ta l‑pussess tal‑ħatra lil Patri Alexander Cauchi, Agostinjan, bħala kappillan tal‑Parroċċa ta’ Santu Wistin, il‑Belt Valletta, waqt Quddiesa li saret illum, festa ta’ Sta Rita ta’ Cascia li kienet soru Agostinjana. Il‑Quddiesa xxandret b’mod dirett fuq il‑paġna ta’ Facebook u l‑YouTube channel tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, u ser tixxandar ukoll fil‑5:30 p.m. fuq TVM2.
Patri Alexander Cauchi twieled fis‑16 ta’ Ġunju 1971. Trabba San Ġiljan fejn irċieva l‑edukazzjoni primarja. Huwa kiseb l‑edukazzjoni sekondarja fl‑iskejjel tal‑Gżira, in‑Naxxar u l‑Imtarfa, u kompla l‑istudji terzjarji fil‑Fakultà tal‑Filosofija fl‑Università Pontifiċja Gregorjanata’ Ruma, u l-istudji tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta.
Il‑formazzjoni reliġjuża tiegħu bdiet fl‑1987 fil‑Kunvent ta’ Santa Rita. F’Novembru tal‑1994 irċieva l‑Professjoni Solenni fl‑Ordni Agostinjan. Ġie ordnat saċerdot mill‑Arċisqof Ġużeppi Mercieca fit‑18 ta’ Ottubru 1996 fil‑Knisja Parrokkjali tal‑Mosta u qaddes l‑ewwel Quddiesa tiegħu fil‑Parroċċa ta’ San Ġiljan.
Patri Alex wettaq ħidma pastorali fil‑qasam tal‑vokazzjonijiet u serva wkoll bħala promotur vokazzjonali. F’dawn l‑aħħar seba’ snin ħadem fil‑pastorali tal‑parroċċa ta’ Santu Wistin fejn huwa jgħix mal‑komunità Agostinjana.
Il‑parroċċa ta’ Santu Wistin fil‑Belt tiġbor fiha madwar 1,366 persuna f’650 familja.
Agħfas hawn biex tara ċ-ċelebrazzjoni liturġika.