• L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Mons. Anton Portelli bħala kappillan tal-Parroċċa ta’ Stella Maris, tas-Sliema.

      Dun Anton Portelli twieled fis-6 ta’ Mejju 1947. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola ta’ St Joseph, il-Belt Valletta, u l-edukazzjoni sekondarja u post-sekondarja fis-Seminarju, il-Furjana. Kompla l-istudji terzjarji ta’ Baċellerat fl-Arti, u Liċenzjat fil-Filosofija u t-Teoloġija, fl-Università ta’ Malta. Kiseb ukoll Masters f’Human Resource Development.

      Dun Anton ġie ordnat saċerdot fid-19 ta’ Marzu 1972. Beda l-ħidma tiegħu bħala viċi-kappillan fil-parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun. Fl-1981 inħatar kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Kirkop u fl-1986 kappillan tal-parroċċa ta’ Ħ’Attard. Fl-1993 inħatar bħala Delegat għall-Ħajja u Ħidma fil-Parroċċi u fl-1994 Rettur taż-Żona Pastorali ta’ Pembroke u mbagħad kappillan tal-istess parroċċa. Fl-2006 ingħata l-inkarigu ta’ Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Huwa temm din il-kariga f’nofs din is-sena.

      Il-parroċċa ta’ Stella Maris tiġbor fiha madwar 3,600 persuna f’1,600 familja.