• L-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja tikkundanna l-mod li bih, l-MUT esprimiet il-fehma tagħha dwar it-tħaddim tal-impjegati fl-iskejjel tal-knisja, minħabba fl-użu ta’ stqarrijiet mill-iżjed ġenerali, u l-injorament tal-proċeduri kif imniżżla fil-ftehim bejn l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi u l-MUT b’risq it-tħaddim tal-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja (2011, Taqsima Ċ, paragrafu 3 dwar il-proċeduri inġusti). Imġiba repetittiva u abbużiva bħal din min-naħa tal-MUT fil-konfront tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika u l-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja, minbarra li jonqos mir-rispett, ixekkel l-iżvilupp tal-edukazzjoni f’Malta.

    Għal darb’oħra, l-MUT reġgħet uriet kemm ma għandha l-ebda ħjiel dwar il-viżjoni tal-iskejjel tal-Knisja meta kapriċċożament żeffnet din il-kwistjoni maċ-ċentralizzazzjoni u xi prattika mhux f’lokha fit-tħaddim tal-għalliema. Filwaqt li l-Assoċjazzjoni taqbel perfettament mas-Segretarjat tal-Edukazzjoni Kattolika fid-diżapprovazzjoni ta’ kwalunkwe prattiċi irregolari allegati, hija xorta waħda tibqa’ żżomm sħiħ favur il-pożizzjoni tagħha kontra ċ-ċentralizzazzjoni, meta t-triq ‘il quddiem hija l-awtonomija u l-indipendenza tal-iskejjel. Huwa tabilħaqq intriganti l-fatt li l-MUT jidher li miexja fid-direzzjoni opposta. Il-mudell tagħna favur ir-rispett tad-diversi kariżmi fi ħdan struttura kolleġjali huwa ta’ suċċess, anke akkademikament u jrendi kontribuzzjoni valida lil proporzjon imdaqqas ta’ studenti Maltin.

    Inħossuna offiżi bil-mod li bih l-MUT għażlet li taffronta allegazzjonijiet bħal dawn u nistednuha taddotta metodu iżjed dijaloġiku u li jirrispetta d-dinjità tal-professjoni tagħna.

    Il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja:
    Fr Jimmy Bartolo SJ (Coordinator), Fr Eric Cachia SDB, Fr Mark Ellul, Fr Silvio Bezzina, is-Sa Mariella Vella, is-Sa Mariuccia Fenech, is-Sa Daniela Camilleri Sacco, is-Sur Reuben Mifsud