L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ħatar lil Kan. Dun Ġorġ Spiteri bħala kappillan tal-Parroċċa ta’ S. Marija, l-Imqabba.
Dun Ġorġ Spiteri twieled iż-Żejtun fit-30 ta’ Novembru 1957. Huwa rċieva l-edukazzjoni tiegħu fi skola primarja u sekondarja tal-Istat. Fl-1977 daħal fis-seminarju fid-djoċesi ta’ Westminster, Londra, fejn studja l-filosofija. Kompla l-istudji tiegħu fis-seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, ir-Rabat Għawdex, u fis-seminarju tal-Virtù, r-Rabat Malta. Hu ġie ordnat saċerdot fis-27 ta’ Frar 1987.
Dun Ġorġ serva bħala viċi-kappillan fil-parroċċa ta’ Maria Annunzjata, Ħal Tarxien, fil-parroċċa ta’ San Ġużepp, il-Kalkara u fil-parroċċa tal-Madonna ta’ Pompei, Marsaxlokk. Bħala parti mill-ħidma pastorali tiegħu Dun Ġorġ serva wkoll bħala direttur spiritwali f’ diversi skejjel, fosthom il-kulleġġ San Tumas More, fejn ilu għal dawn l-aħħar sentejn.
Il-parroċċa tal-Imqabba tiġbor fiha madwar 3,370 persuna f’1,100 familja.