L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ħatar lil Dun Norman Zammit bħala Kappillan tal-Parroċċa tal-Imsida, u lil Dun Ewkarist Zammit bħala Kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli.
Dun Norman Zammit twieled nhar it-3 ta’ Awwissu, 1973. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja taż-Żurrieq u fl-iskejjel sekondarji San Mikiel u l-kulleġġ Mount Carmel, it-tnejn f’Santa Venera. Kompla l-istudji terzjarji fil-Fakulta tat-Teoloġija fl-Universita’ ta’ Malta.
Dun Norman ġie ordnat saċerdot nhar it-3 ta’ Awwissu, 2001. L-ewwel ħidma pastorali tiegħu kienet fil-parroċċa ta’ Ħal Luqa fejn għal perjodu ta’ ħames snin kien viċi-kappillan. Nhar it-12 ta’ Lulju 2006, l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca nnominah bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Ħad-Dingli fejn serva għal dawn l-aħħar ħames snin. Bħala parti mill-ħidma pastorali tiegħu kien ukoll direttur spiritwali f’diversi skejjel.
Il-parroċċa tal-Imsida, li hija ddedikata lill-Patroċinju ta’ San Ġużepp, twaqqfet fl-1867 u tiġbor fiha madwar 8,500 persuna f’madwar 2,500 familja.
Ħatra oħra mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. hija ta’ Dun Ewkarist Zammit li nħatar Kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli.
Dun Ewkarist Zammit twieled is-Siġġiewi fit-23 ta’ Lulju, 1980. Huwa rċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ Santu Wistin u wara fil-Fakulta` tat-Teoloġija fl-Universita` ta’ Malta fejn fis-sena 2009 kiseb Masters fl-Istudji Pastorali. Ġie ordnat saċerdot fit-3 ta’ Lulju, 2008. Wara wettaq ħidma pastorali fil-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, f’ Ħal Qormi, fejn għal dawn l-aħħar sentejn kien viċi-arċipriet.
Il-parroċċa ta’ Ħad-Dingli, li hija ddedikata lil Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema, twaqqfet fl-1678 u tiġbor fiha madwar 3,500 persuna miġbura f’ 1,060 familja.