Kappillan ġdid għall-parroċċa tal-Gżira
L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Gordon Refalo bħala kappillan tal‑parroċċa tal‑Madonna tal‑Karmnu, il‑Gżira.
Dun Gordon Refalo twieled tas‑Sliema fit‑30 ta’ Novembru 1961. Huwa rċieva l‑edukazzjoni tiegħu fl‑iskola ta’ St Joseph, ir‑Rabat, u fil‑Kulleġġ San Alwiġi, Birkirkara. Kompla bl‑edukazzjoni terzjarja fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta u ġie ordnat saċerdot fil‑5 ta’ Lulju 1991.
Dun Gordon serva bħala viċi kappillan fil‑parroċċa ta’ San Gejtanu, il‑Ħamrun, u wettaq ħidma pastorali fil‑parroċċa tan‑Naxxar. Huwa kien kappillan tal‑parroċċi ta’ Santa Luċija, l‑Ibraġ, is‑Swatar u Ħal Luqa. Fl‑2017 beda jservi bħala kappillan tal‑parroċċa ta’ Ħal Għaxaq.
Il‑parroċċa tal‑Gżira tiġbor fiha madwar 10,400 persuna.
Kappillan ġdid għall-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq
L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Andrew Schembri bħala kappillan tal‑parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s‑Sema, Ħal Għaxaq.
Dun Andrew Schembri twieled fil‑11 ta’ Mejju 1989 u trabba Ħal Qormi. Huwa rċieva l‑edukazzjoni primarja għand is‑sorijiet Agostinjani, Ħal Qormi, u fl‑iskola Santa Eliżabetta, Tas‑Sliema, u l‑edukazzjoni sekondarja fil‑Kulleġġ ta’ Santu Wistin, il‑Pietà. Kompla l-edukazzjoni terzjarja fil-Fakultà tat-Teoloġija fl‑Università ta’ Malta u ġie ordnat saċerdot fid‑29 ta’ Ġunju 2016.
Dun Andrew serva fil‑parroċċa ta’ Ħ’Attard, l‑ewwel bħala djaknu u aktar tard bħala viċi kappillan. Kien ukoll direttur spiritwali fil‑Kulleġġ Maria Reġina, in‑Naxxar.
Il‑parroċċa ta’ Ħal Għaxaq tiġbor fiha madwar 4,700 persuna.