Day of prayer and reflection before the Concistory

Il-Ġimgħa filgħodu bi tħejjija għall-Konċistorju tas-Sibt, il-membri tal-Kulleġġ tal-Kardinali u l-Kardinali-eletti, inkluż il-Malti Mons Prospero Grech, iltaqgħu fil-Vatikan għal ġurnata ta’ talb u riflessjoni, preseduta mill-Papa Benedittu XVI nnifsu, kif imħabbar ġimgħa ilu f’din ir-rokna hekk kif l-attivita tħabbret mill-Papa Benedittu XVI.

Skont komunikat pubbliku maħruġ mill-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede, il-ġurnata bdiet biċ-ċelebrazzjoni tal-Lawdi, segwita minn inidirizz introduttorju mill-Kardinal Angelo Sodano, Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali. It-temi prinċipali tal-ġurnata kienet “it-tħabbir tal-Vanġelu llum, bejn ‘missio ad gentes’ u l-evanġelizzazzjoni l-ġdida”. It-tema kienet introdotta b’taħdita fit-tul li saret mill-Kardinal-elett Mons Timothy Dolan ta’ New York. Dan kien segwit minn taħdita mill-Arċisqof Salvatore Fisichella, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni l-ġdida. F’din it-taħdita huwa ta rapport dwar is-Sena tal-Fidi u s-sinifikat tagħha fid-dawl tal-Ittra Appostolika ‘Porta Fidei’. Huwa ħabbar ukoll serje ta’ inizjattivi għal din is-Sena, li bħalissa qed isir studju dwarhom minn diversi Dekasteri tal-Vatikan.

Il-parteċipanti fil-ġurnata ta’ talb u riflessjoni qabel il-Konċistorju tas-Sibt ssoktaw b’talb, bis-sessjoni ta’ filgħodu tintemm bir-reċita tal-Angelus mal-Papa. Wara nofsinhar saru wkoll il-Vespri – talb tal-Għasar, fil-5pm.