Appeal for more Social Justice in USA

Studju kbir fuq livell nazzjonali fl-Amerka dwar veduti ta’ fidi u ta’ natura politika enfasizza l-interess u x-xewqa tal-kattoliċi li jaraw iktar sens u rwol akbar ta’ ġustizzja soċjali fil-prioritajiet tal-Knisja.

L-istħarriġ dwar Valuri fl-Amerka, u li sar mill-Istitut tar-Riċerka Pubblika fil-qasam tar-Reliġjon, stħarreġ fost għadd kbir ta’ Amerikani mifruxa mal-Amerka kollha, anki jekk finalment iffoka fuq l-opinjoni tal-kattoliċi, partikolarment fuq suġġetti li jinkludu l-kopertura ta’ kontraċettivi mill-kumpaniji ta’ assigurazzjoni, il-piena kapitali, u anki l-elezzjoni presidenzjali ta’ Novembru li ġej.

F’intervisti f’Settembru, il-maġġoranza tal-kattoliċi qalu li jippreferu li l-Knisja tiffoka iżjed fuq “il-ġustizzja soċjali u l-ħidma b’risq il-foqra, anki jekk dan ikun ifisser inqas iffukar fuq kwistjonijiet oħra bħall-abort u d-dritt għall-ħajja”. 60% tal-kattoliċi li wieġbu f’dan is-sens. Fost il-kattoliċi li jmorru l-quddies mill-inqas darba f’ġimgħa, 51% għażlu l-enfasi fuq il-ġustizzja soċjali, l-istess kif għamlu 65% ta’ dawk li jmorru darba fix-xahar jew inqas.

Fost id-diverġenzi demografiċi iddistingwew ruħhom żewġ qasmiet ewlenin, il-konservattivi u r-repubblikani, li 46% u 47% rispettivament qablu wkoll mal-appell għal iffukar fuq il-ġustizzja soċjali.