L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Hu u jintroduċi t-talba li aħna nafuha bħala t-talba tal-Mulej, it-talba li għallimna hu, il-Mulej jinsisti li Alla huwa Missierna.

Fil-fatt it-talba stess tibda bil-kelma Missierna imma hija introdotta minn din l-espressjoni ta’ Ġesù: “Missierkom jaf x’teħtieġu qabel ma titolbuh intom” (Mt 6:8). U bħala konklużjoni immedjatament wara li jagħtina t-talba tal-Missierna, jerġa’ jinsisti li hemm bżonn naħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom biex Missierna, li hu fis-smewwiet, jaħfer lilna wkoll (Mt 6:14). U jerġa’: “Jekk intom ma taħfrux, lanqas Missierkom ma jaħfer lilkom” (Mt 6:15).

Il-kelma missier f’din is-silta mill-kapitlu 6 ta’ San Mattew, insibuha propju erba’ darbiet. Ma jgħidx il-Mulej, ma jgħidx Alla, imma jgħid Missierna, Missierkom. U f’dan il-kuntest nifhmu li jekk Alla hu Missier, jiena iben, jien bint. U dak li qed jgħallimni Ġesù bit-talba li joffri, huwa kif jiena inkun quddiem Alla bħala Missieri, bħala Missierna. Għax jiena ma nistax nersaq lejn Alla u ninsa li m’iniex waħdi, li jiena iben, jiena bint ma’ oħrajn.

Kelli l-opportunità nitkellem fuq il-maħfra it-Tlieta li għaddew meta kellna l-Evanġelju li fih Ġesù jitlobna nħobbu lill-għedewwa tagħna. Illum tajjeb nieqfu fuq din il-kundizzjoni li għamel il-Mulej: “Jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom jaħfer lilkom ukoll” (Mt 6:15). Jiena u nitlob maħfra ta’ dnubieti, qiegħed nimpenja ruħi li naħfer lil ħuti għax jekk Alla huwa Missierna, allura l-bnedmin l-oħrajn huma ħuti għax mhux missieri, imma Missierna. Għandu ħafna wlied. U aħna quddiemu lkoll ulied għalhekk huwa Missierna.

Mhix ħaġa faċli imma Ġesù jinsisti. Tant hu hekk li jgħidha l-ewwel bil-pożittiv: “Jekk taħfru l-ħtijiet tagħkom, jaħfer lilkom ukoll” (Mt 6:14), imma mbagħad jerġa’ jgħidha anke b’mod negattiv: “Jekk ma taħfrux, lanqas Missierkom ma jaħfer lilkom” (Mt 6:15).

U forsi ngħidu: ‘imma jiena m’għandix x’jaħfirli’. L-għorrief tal-Knisja, b’mod speċjali Ċiprijanu – bħalissa qed naqraw fil-Liturġija tas-Sigħat kumment sabiħ ta’ San Ċiprijanu fuq il-Missierna – jgħid: “Jekk inti ma tagħrafx li tidneb kuljum minħabba d-dgħufija tiegħek, allura meta tiġi titlob il-missierna, qed tgħid xi ħaġa li ma temminx fiha għax inti kuljum lill-Missier, lill-Missierna tgħidlu aħfrilna dnubietna” (Trattat mit-talba ta’ Sidna).      

Nitolbu l-grazzja tal-għożża fil-familji kollha tagħna, kemm il-familji naturali tagħna, il-familji li minnhom ħriġna aħna, ukoll il-familja li hija l-Knisja, il-familja tagħna.

U kemm hi ħaġa sabiħa li aħna meta nitolbu t-talba li għallimna Ġesù, ma nitolbux biss għalina imma nitolbu wkoll għal ħutna. Ma ngħidlux: ‘aħfirli dnubieti, l-oħrajn insihom’, qisu xi prize day dan, min se jiġi l-ewwel. Imma jien u nitlob lill-Missierna nitolbu wkoll għal ħuti: “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12).

Iżjed ma niftakru fit-talba tal-Missierna li għallimna Ġesù, nifhmu kemm hi għażiża għalih il-familja għaliex it-tixbihat l-iżjed profondi li għażel Ġesù, li jsejjaħ lilu nnifsu Bin il-Bniedem, ġejjin minn hemmhekk. Aħna nitolbu għal missirijiet naturali tagħna b’mod speċjali nhar il-Ħadd li ġej imma wkoll għall-missirijiet spiritwali tagħna.

Nieħu l-opportunità biex nawgura lil Mons. Anton Teuma, l-Isqof maħtur għal Għawdex, nirringrazzjaw lil Mons. Mario Grech tal-ħidma tiegħu għal 14-il sena bħala Isqof ta’ Għawdex u nitolbu għalih hu u jibda l-missjoni tiegħu f’Ruma bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Imma nitolbu l-grazzja tal-għożża fil-familji kollha tagħna, kemm il-familji naturali tagħna, il-familji li minnhom ħriġna aħna, ukoll il-familja li hija l-Knisja, il-familja tagħna. Ejjew noffru dawn l-intenzjonijiet kollha f’idejn Sidtna Marija biex hi taqlagħlna mingħand il-ħniena tal-Mulej, il-grazzji kollha li neħtieġu.

Sliem għalik Marija . . .  

Nitolbuk, Mulej Missierna, tilqa’ t-talb tagħna u tagħtina fil-ħniena tiegħek dak kollu li għandna bżonn fir-ruħ u fil-ġisem.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Sirak 48, 1-14
Salm: 96 (97), 1-2.3-4.5-6.7
Evanġelju: Mt 6, 7-15