Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fil-parabbola li naqraw fl-Evanġelju tal-lum, dik tas-sultan ħanin (cfr Mt 18,21-35), għal darbtejn insibu din it-talba ħerqana: “Stabar ftit bija, kollox irroddlok” (vv.26.29).  L-ewwel darba jgħidha l-qaddej li lil sidu kellu jtih għaxartelef talent, somma enormi, illum jissarfu f’miljuni fuq miljuni ta’ Ewro.  It-tieni darba tittenna minn qaddej ieħor tal-istess sid.  Huwa wkoll midjun, mhux lejn sidu imma lejn l-istess qaddej li għandu dak id-dejn enormi.  Id-dejn tiegħu hu żgħir ħafna, forsi daqs il-paga ta’ ġimgħa.

Il-qofol tal-parabbola hi l-ħniena li s-sid juri mal-qaddej li għandu l-akbar dejn miegħu.  L-evanġelista jisħaq li “s-sid ġietu ħniena – qatt ninsew dil-kelma li hi ta’ Ġesù: “ġietu ħniena”, Ġesù dejjem kellu ħniena – ġietu ħniena minn dak il-qaddej, ħallih imur u ħafirlu dejnu” (v. 27).  dejn enormi, jiġifieri maħfra enormi!  Imma minnufih, dak il-qaddej juri ħruxija ma’ sieħbu li għandu jtih somma żgħira.  Ma jtihx widen, jeħodha bl-aħrax miegħu u jitfgħu l-ħabs sa ma jkun ħallas dejnu (cfr v. 30), dak id-dejn żgħir.  Is-sid jittarraflu dan u mgħaddab jibgħat għall-qaddej ħażin u jikkundannah (cfr vv. 32-34): “Meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu, ma kienx imissek int ukoll taħfer dal-ftit?”

Fil-parabbola, insibu żewġ atteġġjamenti differenti: dak ta’ Alla – rappreżentat mir-re – li jaħfer kollox, għax Alla jaħfer dejjem, u dak tal-bniedem.  Fl-atteġġjament divin il-ġustizzja titwaħħad mal-ħniena, filwaqt li l-atteġġjament uman jasal biss sal-ġustizzja.  Ġesù jħeġġiġna biex bil-kuraġġ ninfetħu għall-qawwa tal-maħfra għax nafu li fil-ħajja, il-ġustizzja ma ssolvix kollox.  Hemm bżonn ta’ dik l-imħabba ħanina li hi wkoll il-bażi tat-tweġiba tal-Mulej għall-mistoqsija ta’ Pietru li hemm qabel il-parabbola.  Il-mistaoqsija ta’ Pietru hi din: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu?” (v. 21).  U Ġesù wieġbu: “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba” (v. 22).  Fil-linġwaġġ simboliku tal-Bibbja, dan ifisser li aħna msejħin biex naħfru dejjem!

Kemm tbatija, kemm ġerħat, kemm gwerer jistgħu jkunu evitati kieku l-maħfra u l-ħniena kienu l-istil ta’ ħajjitna!  Fil-familja wkoll, fil-familja wkoll: kemm familji mkissra għax ma jafux jaħfru lil xulxin, hemm aħwa li jżommu dan il-morr fi qlubhom.  Hemm bżonn nużaw l-imħabba ħanina fir-relazzjonijiet umani kollha: bejn il-miżżewġin, bejn il-ġenituri u wliedhom, fi ħdan il-komunitajiet tagħna, fil-Knisja u fis-soċjetà u fil-politika wkoll.

Illum, waqt li kont qed inqaddes, waqaft, laqtitni sentenza mill-ewwel qari, mill-Ktieb ta’ Bin Sirak.  Is-sentenza tgħid hekk: “Ftakar fl-aħħar ta’ ħajtek, u ieqaf mill-mibegħda”.  Sentenza sabiħa!  Ftakar fl-aħħar ta’ ħajtek!  Ftakar li int se tkun ġo tebut… u se ġġorr il-mibegħda tiegħek hemmhekk?  Niftakru ftit f’dis-sentenza li tniggżek: ‘Ftakar fl-aħħar ta’ ħajtek u ieqaf mill-mibegħda”.

Mhux ħafifa li taħfer għax fil-waqtiet ta’ kalma bniedem jgħid: “Veru li dan għamilli ħafna ħsara imma jien ukoll ħawwadt mhux ħażin.  Aħjar naħfer biex inkun maħfur”.  Imma mbagħad jerġa jfiġġ l-għadab, qiesu dubbiena fitta fis-sajf li tibqa’ tiġi fuqek….  Li taħfer mhix ħaġa ta’ mument, hi sitwazzjoni li int trid tibqa’ teħodha mal-għadab, din il-mibegħda li ttanbar.  Naħsbu fit-tmiem ta’ ħajjitna, ma nibqgħux nobgħodu.

Il-parabbola tal-lum tgħinna nifhmu sħih it-tifsira ta’ dik is-sentenza li nirreċitaw fil-‘Missierna’: “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6,12).  Dal-kliem jiġbor fih verità deċisiva.  Ma nistgħux nippretendu li Alla jaħfrilna jekk aħna, min-naħa tagħna, ma nagħtux maħfra lill-proxxmu tagħna.  Din hi kundizzjoni: aħseb fit tmiem ta’ ħajtek, fil-maħfra t’Alla u tibqax tobgħod; biegħed minnek l-għadab, dik id-dubbiena fitta li tibqa’ ttir għal fuqek.  Jekk aħna ma nagħmlux sforz biex naħfru u nħobbu lanqas aħna ma nkunu maħfura u maħbubin.

Nintelqu fl-interċessjoni materna ta’ Omm Alla: jalla Hi tgħinna nifhmu kemm aħna midjunin ma’ Alla, u nibqgħu niftakru dan dejjem, biex qalbna tibqa’ miftuha għall-ħniena u għat-tjubija.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Fil-jiem li għaddew serje ta’ nirien qerdu l-kamp tar-rifuġjati f’Moira, fil-gżira ta’ Lesbo, u ħallew eluf ta’ persuni bla kenn, imqar wieħed prekarju.  Dejjem ħajja f’moħħi ż-żjara li kont għamilt hemmhekk u dejjem ħaj l-appell li kont għamilt flimkien mal-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew u l-Arċisqof Ieronymos ta’ Ateni, biex inkunu żguri li “l-laqgħa li jingħataw l-irġiel u n-nisa migranti, l-itturufnati u min ikun qed ifittex ażil fl-Ewropa, tkun umana u dinjituża” (16 ta’ April, 2016).  Nesprimi solidarjeta u qrubija mal-vittmi kollha ta’ dawn l-avvenimenti drammatiċi.

Minbarra dan, matul dil-ġimgħa, madwar id-dinja kollha – f’bosta nħawi – qed nassistu għal manifestazzjonijiet popolari ta’ protesta li qed jesprimu t-tbatija dejjem tiżdied tas-soċjetà ċivili quddiem sitwazzjonijiet politiċi u soċjali partikolarment kritiċi.  Filwaqt li nħeġġeġ lid-dimostranti biex l-ilmenti tagħhom jippreżentawhom b’mod paċifiku mingħajr ma jaqgħu għat-tentazzjoni tal-aggressività u l-vjolenza, nagħmel appell lil kull min  għandu responsabbilta pubblika u ta’ gvern biex jisma’ leħen iċ-ċittadini tiegħu u jtihom dak li ġustament qed jaspiraw li jkollhom, u jiżguraw li jkun hemm rispett sħih tad-drittijiet umani u tal-libertajiet ċivili.  Fl-aħħar nistieden lill-komunitajiet ekkleżjali li qed jgħixu f’dawn is-sitwazzjonijiet, biex bit-tmexxija tar-Rgħajja tagħhom, jimpenjaw ruħhom favur id-djalogu, dejjem favur id-djalogu u favur ir-rikonċiljazzjoni – tkellimna dwar il-maħfra, dwar ir-rikonċiljazzjoni.

Minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija, il-ġabra tradizzjonali għall-Art Imqaddsa, dis-sena, mill-jum tal-Ġimgħa l-Kbira ġiet trasferita għal-lum, vġili tal-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib.  Fil-qafas ta’ bħalissa, din il-ġabra hija aktar minn dejjem sinjal ta’ tama u qrubija solidali mal-insara li jgħixu fl-Art fejn Alla sar bniedem, miet u rxoxta għalina.  Illum nagħmlu pellegrinaġġ spiritwali, bl-ispirtu, bl-immaġinazzjoni, bil-qalb, lejn Ġerusalemm, fejn, kif jgħid is-Salm, hemm l-għejun tagħna (cfr Salm 87,7) u nwettqu ġest ta’ ġenerożità lejn dawk il-komunitajiet.

Insellem lilkom ilkoll, fidili rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi.  Insellem b’mod partikolari liċ-ċiklisti li jbatu mill-marda ta-Parkinson li terrqu l-Via Francigena minn Pavia sa Ruma.  Kontu bravi ħafna!  Grazzi tat-testimonjanza tagħkom. Insellem lill-Konfraternità Madonna Addolorata minn Monte Castello f’Vibio.  Qed nara li hawn ukoll komunita Laudati si’: grazzi għal dak li tagħmlu; grazzi tal-laqgħa li għamiltu hawn ilbieraħ flimkien ma’ Carlìn Petrini u d-diriġenti kollha li għadhom għaddejjin bil-ħidma f’dit-taqbida għall-ħarsien tal-ħolqien.

Insellem lilkom ilkoll, b’mod speċjali lill-familji taljani li tul ix-xahar ta’ Awwissu ddedikaw ruħhom għall-akkoljenza tal-pellegrini.  Huma bosta fl-għadd!  Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Maqlub għall-Malti minn Joe Huber

Sors: Laikos