-
-
L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Il-Knisja Parrokkjali ta’ Stella Maris, Tas-Sliema
17 ta’ Awwissu 2019‘Stella Maris’ (Kewkba tal-Baħar) hu titlu antik lill-Madonna li maż-żmien infirex sew fid-devozzjoni lejha. Għalkemm fl-Evanġelju ma nsibu qatt lil Marija assoċjata mal-baħar jew mal-kwiekeb, dan it-titlu joqgħod tajjeb ħafna għal Marija meta nifhmu t-tifsira tiegħu, kif juruna tant qaddisin fl-istorja tal-Knisja.
Il-kewkba
Marija hija bħal kewkba li turi t-triq li teħodna għand il-Mulej. Fil-fatt, fil-ħajja tagħha tolqtok kif hi qatt mhi ċċentrata fuqha nnifisha, jew tiġbed l-attenzjoni lejha nnifisha, imma lejn Ġesù.
Sa mill-ewwel mument li niltaqgħu magħha, meta jidhrilha l-anġlu Gabrijel u jħabbrilha li se ssir Omm Alla – ħaġa daqshekk kbira – hi tqis lilha nnifisha bħala l-“qaddejja tal-Mulej”. L-attenzjoni fuq il-Mulej, mhux fuqha.
Meta żżur lil Eliżabetta, u din issejħilha “hienja”, Marija ma tfaħħarx lilha nnifisha imma lill-Mulej: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej…” Hu innu li jmexxi l-attenzjoni minn fuqha għal fuq il-Mulej.
Fit-tieġ ta’ Kana, meta kienet hi li ntebħet bid-diffikultà li kien hemm għall-għarajjes, il-messaġġ tagħha kien: “Agħmlu dak li jgħidilkom Hu”. Mhux “araw x’qed ngħidilkom jien, il-parir li se nagħtikom jien” imma “… dak li jgħidilkom hu”.
Għalhekk, meta Ġesù tahielna bħala ommna fl-aħħar mumenti fuq is-salib, ried li fiha naraw l-omm li twassalna għandu. Din hi l-kewkba. Mhijiex il-kewkba li toqgħod tħares lejha, titgħaxxaq biha, u tieqaf hemm. Imma hi l-kewkba li tmexxina fil-ħajja lejn Ġesù. Bħalma, fil-bidu tal-ħajja ta’ Ġesù, il-kewkba mexxiet lill-Maġi u kienet għalihom gwida biex mill-bogħod jaslu għand Ġesù, hekk Marija għalina f’ħajjitna.
Il-baħar
Ħa nħarsu lejn il-baħar, għax lil Marija nsejħulha “kewkba tal-baħar”. Aħna l-Maltin għandna esperjenza tal-baħar. Ġieli sabiħ u tieħu gost tarah jew tkun fih, ġieli baħar imqalleb. Hawn isfel fix-xatt ta’ Tas-Sliema tafu kif ikun il-baħar meta jkun riħ qawwi mill-Grigal.
Marija hija dik il-kewkba li tmexxina u tagħtina direzzjoni fil-vjaġġ tagħna tal-ħajja, kemm meta l-baħar ikun kalm kif ukoll meta jkun imqalleb.
Meta l-baħar ikun kalm, neħtieġu din il-kewkba biex ma nitqarrqux u naħsbu li hu bil-ħila tagħna li naslu fejn għandna naslu. Meta l-baħar ikun imqalleb, neħtieġu din il-kewkba biex ma naqtgħux qalbna quddiem id-diffikultajiet tal-ħajja.
F’ħajjitna lkoll, mument jew ieħor, ngħaddu minn baħar imqalleb. Ġieli jaħbat se jiġbidna ’l isfel miegħu jew se jsabbatna ma’ xi mkien. Jistgħu jkunu ċirkustanzi diffiċli li niltaqgħu magħhom f’ħajjitna – forsi persuni li qed jagħmlulna ħajjitna infern, mard li qed ikiddna, it-telfa ta’ xi ħadd għażiż għalina li għadha ttaqqlilna qalbna. Dan hu l-baħar imqalleb li fih neħtiegu l-għajnuna tal-kewkba tal-baħar.
Jista’ jkun dak li nħossu fina stess li jqallibna. San Bernard kiteb hekk: ‘Meta int tkun qed iġġarrab il-mewġ tas-suppervja, tal-għira, tar-rivalità, sejjaħ lil Marija. Jekk il-mewġ tar-rabja, tal-mibegħda, tar-rgħiba jew tal-passjonijiet iħabbtuk, ħares lejn din il-kewkba. Marija kewkba tal-baħar hi dik l-għajnuna u l-faraġ li neħtieġu fit-tempesti tal-ħajja.’
Il-ġifen
Mhijiex biss fil-ħajja tagħna personali fejn neħtieġu lil Marija kewkba tal-baħar, imma wkoll bħala Knisja. Aħna l-Knisja – il-poplu ta’ Alla – ilkoll qegħdin fi vjaġġ bħala poplu u għandna bżonn lil Marija biex twassalna għand Ġesù. Kultant jista’ jiġri li l-baħar li qegħdin fih jidher mhux biss imqalleb imma li se jibla’ kollox. Imma Marija hija għalina sinjal ta’ tama li mexjin fit-triq it-tajba, tama li tgħinna negħlbu l-biża’.
Il-Knisja hi bħal ġifen fi vjaġġ. Kull meta tiġina t-tentazzjoni li noqogħdu narmaw il-ġifen u nduru miegħu u niggustaw lilu, jew indawruh bit-tiżjin minflok nimxu ’l quddiem fil-vjaġġ tal-ħajja, Marija kewkba tal-baħar tfakkarna fit-triq li rridu nagħmlu flimkien bħala Knisja u tagħtina l-kuraġġ biex nimxu ’l quddiem.
Il-port
Marija kewkba tal-baħar tfakkarna li aħna rridu naslu fil-port li mhuwiex hawn. Il-port hu s-sema pajjiżna u l-vjaġġ tagħna fil-ħajja jrid iwassalna hemmhekk.
Għalhekk hu importanti li l-attenzjoni tagħna tkun fuq din il-kewkba li tmexxina. Kultant jista’ jiġrilna li l-attenzjoni tagħna nitfgħuha fuq il-baħar li qegħdin fih, u nitkellmu fuq dan il-baħar b’mod li kważi naqtgħu qalb xulxin. Ħarsitna tkun ’l isfel flok ’il fuq u ġieli nniżżlu lill-oħrajn ’l isfel magħna flok ngħinuhom iħarsu ’l fuq. Marija kewkba tal-baħar tfakkarna li rridu naslu fil-port mhux b’qalb imtaqqla jew imbeżża’ imma b’qalb qawwija għax għandna lilha tagħtina d-direzzjoni.
Din hi t-talba li nixtieq nagħmel lejlet il-Festa ta’ Stella Maris. Nitlob li Marija tkun f’ħajjitna personalment imma wkoll bħala komunità parrokkjali u bħala Knisja, dik il-kewkba li twassalna għand il-Mulej u naslu hemm b’qalb ferħana u fil-paċi.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju -
-
-