Photo by Pixabay

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kif ħabbejtkom jien.” Dan huwa l-kliem li jgħid Ġesù lid-dixxipli tiegħu fl-Evanġelju llum, meta kien qed ifissrilhom il-kmandament tal-imħabba. Qalilhom: “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15:12). Hawnhekk Ġesù qed jgħid lid-dixxipli tiegħu li hu jrid li l-imħabba tkun il-qalba tal-ħajja tagħhom, anke tal-ħajja tagħhom flimkien. Imma mbagħad jispjegalhom x’qed ifisser bl-imħabba. Jgħidilhom: “kif ħabbejtkom jien”.

X’ifisser “kif ħabbna hu”? Irridu niftakru li dan id-diskors Ġesù qed jagħmlu proprju ftit mumenti qabel il-passjoni u l-mewt tiegħu. Hemmhekk kien se jkollna l-ikbar turija ta’ mħabba. Hemmhekk, b’Ġesù fuq is-salib, għandna l-imħabba fil-milja tagħha, l-imħabba sal-aħħar. Hemmhekk hi l-ikbar imħabba għax Ġesù qed jagħti ħajtu għas-salvazzjoni tal-umanità. Hu proprju l-kliem li hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13). 

Imma tajjeb niftakru wkoll li hawnhekk Ġesù qed jagħmel dan id-diskors mad-dixxipli tiegħu li ftit mument wara, meta kien se jidħol għall-akbar tbatija, kienu se jaħarbu – kważi kollha, ħlief wieħed. U wieħed minnhom jittradih, u l-ieħor jiċħdu. Meta Ġesù qiegħed fuq is-salib, għandu biss wieħed mid-dixxipli tiegħu hemmhekk preżenti, lil Ġwanni; l-oħrajn ma dehrux hemm. U Ġesù, avolja jista’ jagħraf dan minn qabel, lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom fuq l-akbar imħabba u lilhom jgħidilhom “sejjaħtilkom ħbieb” (Ġw 15:15) – lil dawn li ftit wara kienu se jaħarbu fit-tbatija tiegħu: ma nsejħilkomx qaddejja, imma ħbieb. Għax, fil-fatt, Ġesù hu l-qaddej li jagħti ħajtu b’imħabba kbira għal ħbiebu.

Din hija l-imħabba ta’ Ġesù. Meta narawh fil-ħajja tiegħu, naraw xi tfisser l-imħabba li l-milja tagħha hi Ġesù fuq is-salib. Ġesù wriena li l-imħabba hija mħabba lejn kulħadd – ma tagħmilx distinzjoni, bir-raġunament “lil dak inħobbu, u lil dak nobogħdu”; hija mħabba mingħajr kejl, mingħajr kundizzjoni; hija mħabba li tfisser ukoll maħfra, hija mħabba totali. Ġesù wera kif din hi l-imħabba ta’ Alla lejna – l-imħabba totali.

Imma Ġesù lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom biex iħobbu kif ħabbna hu, għalhekk il-kejl tagħna hu dan: li aħna għandna nħobbu kif ħabbna hu. Dan ifisser li l-imħabba trid tmur lil hinn mill-imħabba li aħna nuru lejn min iħobbna, lejn min hu simpatiku għalina, lejn min jagħmlilna l-ġid, lejn min jgħinna, jew lejn min hu grat għall-ġid li aħna nkunu qed nagħmlu miegħu jew magħha. Dawn huma esperjenzi sbieħ u nirringrazzjaw lil Alla meta jkun hemm din l-imħabba fil-ħajja tagħna. Imma meta Ġesù jgħidilna li għandna nħobbu kif ħabbna hu, irridu mmorru lil hinn. L-imħabba trid tkun iktar wiesgħa u trid tifrex aktar. Għalhekk inħobbu wkoll lil min hu antipatiku, inħobbu wkoll lil min kultant idejjaqna, lil min kultant jonqosna b’xi kelma jew b’xi ħaġa li jagħmel. Anke f’dawn l-okkażjonijiet nuru l-imħabba tagħna biex inħobbu kif ħabbna hu.  

U l-imħabba nuruha fl-affarijiet ta’ kuljum, mhux biss f’xi okkażjoni rari u speċjali ta’ darba; imma fl-okkażjonijiet iż-żgħar ta’ kuljum: kelma ta’ inkoraġġiment, ġest ta’ apprezzament, li nieqfu ma’ min hu fil-bżonn, li nuru tassew attenzjoni; kultant anke billi nisimgħu nkunu nħobbu. F’dawn l-affarijiet iż-żgħar ta’ kuljum – hemm nuru tassew li aħna nħobbu kif ħabbna hu. Nitolbu lill-Mulej illum biex ngħożżu dejjem il-kmandament tal-imħabba, biex ngħixu din l-imħabba fil-ħajja tagħna ordinarja ta’ kuljum, u biex dejjem inħobbu kif ħabbna hu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju