L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan iż-żmien nużaw kliem bħal: il-karattru ta’ dak li jkun jew il-personalità tiegħu, imma fl-Iskrittura, fit-tradizzjoni minn fejn nibtet u xxandret il-Kelma ta’ Alla, anke l-Evanġelju li għadna kemm smajna minn San Mattew, minflok dawn il-kelmiet karattru, personalità, isemmi u juża l-kelma ‘qalb’, xi ħaġa li anke aħna l-Maltin ngħidu: ‘kemm hu qalbu tajba, qalbu tad-deheb’. Il-qalb tfisser il-personalità ta’ dak li jkun.

Ġesù jitkellem dwar il-qalb tiegħu u jiddiskrivi lilu nnifsu b’dawn iż-żewġ kelmiet: il-ħlewwa u l-umiltà. “Jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 25:29). Fil-festa solenni ta’ din is-sena l-għażla ta’ dan l-Evanġelju tfakkarna fl-identità, fil-karattru, il-personalità, f’min hu Ġesù. Jekk xi ħadd jistaqsik: ‘Imma dan Ġesù li temmnu fih, dar-Redentur li tant tqimu anke fix-xbieha għażiża li għandna hawnhekk fil-belt ta’ Senglea, il-belt qatt mirbuħa, l-Isla, imma dan min hu? X’ħobż jiekol? X’ħobż jitma’?’

Aħna ngħidulu: ‘Ġesù huwa ta’ qalb ħelwa u umli’ u allura mela mhux se jikkundannani jew jikkastigani ta’ bniedem bla qalb. Aħna l-Maltin ukoll ngħidu: ‘kemm hu bniedem bla qalb’. Ma tistax inti lil Alla tgħidlu: ‘kemm inti bla qalb’ meta llum qegħdin niltaqgħu biex niċċelebraw il-Qalb ta’ Ibnu magħmul bniedem li għandu qalb, mhux bla qalb, qalb ħelwa u umli.

Kemm huma ta’ faraġ għalina l-kliem tas-Salm 102 li qrajna minnhom fis-Salm Responsorjali: “Ħanin u twajjeb il-Mulej, idum ma jagħdab u kollu mogħdrija” (S 102:8). Anke l-poplu Lhudi rrealizza bil-paċenzja li ħa bih il-Mulej, li l-Mulej huwa ħanin, twajjeb u jagħder. Kemm tkun ħaġa sabiħa aħna u niċċelebraw il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù minn dan il-post tant għażiż u tant qaddis, li l-mogħdrija li aħna nirċievu mill-Mulej, dik il-ħarsa ta’ ħniena u ħlewwa li biha jħares lejn kull wieħed u waħda minna, aħna naqsmuha ma’ xulxin.

L-esperjenza li jkollna ta’ kemm iħobbna Alla, ta’ kemm hu paċenzjuż magħna tagħtina l-qawwa biex aħna nħobbu lil xulxin bl-istess mogħdrija, bl-istess ħniena, bl-istess paċenzja. U għalhekk San Ġwann mit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra tiegħu jgħallimna: “Jekk Alla ħabbna daqshekk” – u l-festa tal-Qalb ta’ Ġesù tfakkarna kemm Alla jħobbna li l-Iben tiegħu huwa ta’ qalb ħelwa u umli – “aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin. Lil Alla għadu ħadd ma rah imma jekk inħobbu lil xulxin, hu jgħammar fina u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina” (1 Ġw 4:11-12). Issa meta l-imħabba ta’ Alla ssib il-milja tagħha fina, aħna nħobbu lil xulxin bl-istess atteġġjamenti ta’ Alla.

Illum l-istedina hija biex ma naqtgħu qatt mill-ħniena ta’ Alla anzi ma mmorrux fl-iżball li naħsbu li Alla mhux se jħenn għalik, li Alla ma jifhmekx, li Alla ma jaċċettakx. Hu li ħalqek, kif jista’ jkun ma jaċċettakx kif inti, kif ħalqek? Inti ħriġt minn idejh, inti barka għalik u għal ta’ madwarek, int kif int, int min int.

Din il-festa għażiża twieldet f’mument meta fil-Knisja l-ġudizzju kien iżjed importanti mill-ħniena, meta anke aħna l-Isqfijiet konna tant riġidi mal-poplu li kważi kważi konna ngħidulu: ‘titqarbinx għax m’intix denn’. Din l-ereżija kellha isem: Ġanseniżmu. U l-intervent ta’ Ġesù fid-djalogu mistiku li kellu ma’ Santa Marija Margerita Alacoque kien dan il-messaġġ li ried jagħti mhux biss lil din is-soru umli imma anke lill-Knisja tiegħu: “Jiena ta’ qalb ħelwa u umli”.

L-Isqof huwa l-ewwel wieħed li quddiem l-Ewkaristija jgħid li mhuwiex denn; l-Isqof huwa qaddej mingħajr ma jistħoqqlu, imma Alla li jħares lejna mlibbsin bid-dgħufija u bl-egoiżmu, jaf jippurifikana bil-ħarsa tiegħu ta’ ħniena.

Illum l-istedina hija għal kull wieħed u waħda minna biex ma naqtgħu qatt mill-ħniena ta’ Alla anzi ma mmorrux fl-iżball li naħsbu li Alla mhux se jħenn għalik, li Alla ma jifhmekx, li Alla ma jaċċettakx. Hu li ħalqek, kif jista’ jkun ma jaċċettakx kif inti, kif ħalqek? Inti ħriġt minn idejh, inti barka għalik u għal ta’ madwarek, int kif int, int min int.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna minflok nippunatw subgħajna lejn xulxin, nippuntaw subgħajna lejn il-Qalb ta’ Ġesù u nitgħallmu xi tfisser ikollok qalb ħelwa u umli.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Dewt 7, 6-11
Salm: 102 (103), 1-2.3-4.6-7.8.10
Qari II: 1 Ġw 4, 7-16
Evanġelju: Mt 11, 25-30

More Photos >>