Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fil-lejl qaddis tal-Milied, fil-parroċċi tagħna, hemm tradizzjoni ħelwa li jkollna tifel jew tifla – tfal ċkejknin – li jagħmlu riflessjoni qasira, li nsejħulha l-prietka tat-tfal. U ħafna drabi, din il-priedka tibda b’silta mill-Evanġelju skont San Luqa, li tfakkar fil-kelmiet tal-anġli lir-ragħajja. “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba!” (Lq 2:14) lill-bnedmin li Alla jħobb.

L-awgurju tiegħi din is-sena hu li aħna naħdmu biex nilqgħu mingħand Alla d-don tiegħu tal-ħniena u l-paċi. Il-paċi li jagħtina hu meta ngħixu ħajja sewwa, meta nieħdu ħsieb xulxin, naħfru lil xulxin u nħennu għal xulxin. Il-paċi fl-art, li d-dinja għandha ħafna bżonn. Il-kontinent tagħna, l-Ewropa, għaddej minn żminijiet diffiċli ta’ konflitti. Il-Lvant Nofsani, tant partijiet tad-dinja, qegħdin jgħixu mumenti ta’ vjolenza, ta’ gwerra, u qed iħallu vittmi innoċenti. Nixtieq ukoll infakkar il-vittmi tat-traġedja fil-Ġermanja lbieraħ; meta, nies innoċenti, li qegħdin igawdu l-Milied, sfaw vittmi ta’ vjolenza kbira.

U wieħed jistaqsi: “Kif nistgħu naħdmu iżjed għall-paċi? Il-paċi tibda mill-qalb tiegħi imma wkoll fil-qalb tiegħek.  

Il-paċi li jagħtina Hu meta ngħixu ħajja sewwa, meta nieħdu ħsieb xulxin, naħfru lil xulxin u nħennu għal xulxin.

Jiena u nawgura lil kull wieħed u waħda minna, Milied hieni u sena ġdida mimlija risq u barka, li għalina l-Kattoliċi se tkun is-sena tal-Ġublew tat-Tama, festa kbira ta’ ħniena. Dan hu l-awgurju tiegħi, li l-Milied isibna nħennu għalina nfusna, għal xulxin, u nilqgħu mingħand Alla d-don tal-ħniena u l-paċi tiegħu.

Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd, u s-sena ġdida mimlija risq u barka.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Aktar ritratti